Futbol Sport

Williams jiżvelaw id-dehra l-ġdida tal-karozza FW43 għal dan l-istaġun

(Ritratt: Williams Racing)

Williams żvelaw id-dehra aġġornata tal-karozza tagħhom għal dan l-istaġun tal-Formula 1. Il-bidla kienet meħtieġa wara li x-xahar li għadda, intemmet ir-relazzjoni mal-isponsor ROKiT, b’Williams iwiegħdu dehra ġdida tal-karozza qabel jibda l-istaġun.

Williams żvelaw id-dehra l-ġdida tal-karozza FW43 il-Ġimgħa filgħodu, eżattament ġimgħa qabel l-ewwel sessjoni ta’ prattika fiċ-ċirkwit ta’ Red Bull Ring. Il-karozza żammet il-kuluri abjad u blu li huma l-kuluri tradizzjonali tat-tim.

Williams spiċċaw l-aħħar fil-klassifika tal-kostrutturi għal dawn l-aħħar żewġ staġuni u jittamaw li jkunu aktar kompetittivi wara li kienu aktar veloċi fit-testijiet ta’ Frar li għadda. George Russell u Nicholas Latifi se jkunu s-sewwieqa ta’ Williams f’dan l-istaġun. It-tim Ingliż li hu t-tieni l-aktar tim ta’ suċċess fil-Formula 1 b’disa’ titli tal-kostrutturi, għalkemm l-aħħar suċċess kien lura fl-1997. Huma bħalissa qed ifittxu investiment ġdid u saħansitra mhux eskluż li t-tim ikollu sidien ġodda.