Coronavirus Lokali Saħħa

X’kienu l-effetti tal-Covid-19 fuq id-dinja tax-xogħol?

14% tal-ħaddiema jgħidu li f’April ma ħadmu xejn

Kif kien mistenni, bosta persuni ħassew l-effett qawwi tal-impatt li ħalliet il-pandemija tal-Coronavirus f’pajjiżna, b’mod speċjali fid-dinja tax-xogħol.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wrew li matul ix-xahar ta’ April, 62% tal-ħaddiema ħassew li xogħolhom kif affettwat kawża ta’ dan il-virus, b’31% jgħidu li s-sigħat li ħadmu tnaqsu b’mod sostanzjali filwaqt li 14% saħqu li ma ħadmu xejn.

Rapport maħruġ mill-NSO wera kif tul ix-xahar ta’ April, il-ħaddiema ħadmu medja ta’ 29 siegħa, tnaqqis ta’ 8 sigħat fil-ġimgħa meta ċ-ċifri ġew mqabbla mal-istess perjodu tas-sena preċedenti.

Dan filwaqt li terz mill-ħaddiema spjegaw li tul f’April ħadmu mid-dar fuq bażi ta’ telework.

Madanakollu 44% tal-ħaddiema saħqu li s-sigħat imnaqqsa minn xogħolhom ma kellux x’jaqsam direttament mar-raġuni li pajjiżna kien qed iħabbat wiċċu ma’ emerġenza ta’ saħħa pubblika.