Żewġ każi ġodda ta’ Coronavirus f’pajjiżna rriżultaw fl-aħħar 24 siegħa, filwaqt li ħames persuni oħra kienu ċċertifikati li fiequ.
B’hekk, skont l-aħħar aġġornament mill-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook, iċ-ċifra ta’ każi pożittivi issa telgħet għal 670, filwaqt li dawk li fiequ telgħu għal 632, bil-każi attivi niżlu għal 29.
Sa minn meta faqqa’ l-ewwel każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna, l-awtoritajiet tas-saħħa kienu jagħtu l-aġġornamenti ta’ kuljum b’konferenza tal-aħbarijiet mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika.
Madankollu, u ironikament, appena l-Prim Ministru kien ħabbar li fl-1 ta’ Lulju se jiftħu mill-ġdid l-Ajruport u l-portijiet, dawn il-konferenzi tal-aħbarijiet ma baqgħux isiru. Minflok, aġġornamenti bi ftit informazzjoni qed jitwasslu fuq il-paġna tal-Ministeru fuq Facebook.
Wieħed minn dawn iż-żewġ każi riċenti hu ta’ persuna li ma ħassitx sintomi u li mhux magħruf minfejn ħadet il-virus. Il-każ l-ieħor hu ta’ persuna li kellu xi sintomi u li kellha kuntatt ma’ każ preċedenti.
Mhux magħruf jekk il-persuni f’dawn il-każi humiex irġiel jew nisa, kif ukoll jekk hux Maltin jew barranin.
//= $special ?>