Lokali

“Aħna l-anzjani f’diffikultà finanzjarja”

Mill-perspettiva tal-anzjani, il-mini-budjet tal-Gvern mhux biss naqas milli jindirizza l-problemi tagħhom iżda ħoloq aktar diffikultajiet.

Din id-dikjarazzjoni b’saħħitha għamilha Carmel Mallia, il-President tal-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti, f’opinjoni ppublikata fil-ġurnal Times of Malta.

Mallia saħaq li mill-perspettiva ekonomika huwa diżappuntanti li minn 900 miljun euro, persuni vulnerabbli, inklużi madwar 85,000 pensjonant, ikkwalifikaw biss għal voucher ta’ 100 ewro kull wieħed ….u tnaqqis ta’ seba’ ċenteżmi fil-fjuwil.

Hu qal li eluf ta’ nies bhalissa huma fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar…. u l-COVID-19 qed jitfa’ dawn n-numri f’riskju li jiżdiedu b’rata allarmanti.

Malia qal li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna huwa konxju ta’ dawn il-problemi u għalhekk jispera li l-ministru jittratta din is-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun.

Il-President tal-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti qal li l-ewwel prijorità għandha tkun dik li jiġi stabbilit dħul minimu li jiżgura li n-nies vulnerabbli kollha jgawdu għixien deċenti li huwa biżżejjed biex iżommhom ‘il bogħod mir-riskju tal-faqar u mhux li jiġu provduti soluzzjonijiet għal żmien qasir.

Carmel Mallia stqarr li l-inqas li jista’ jsir huwa li jiġu appoġġati u kkumpensati dawk li obdew u kkooperaw mal-awtoritajiet tas-saħħa fejn saħaq li għal xhur sħaħ, l-anzjani qagħdu d-dar, sofrew minn solitudni, iżolament, esklużjoni u stress mentali.

U huwa għalhekk li tnaqqis fil-kont tal-ilma u l-elettriku tagħhom kien ikun xieraq.

Wasal iż-żmien li eluf ta’ persuni anzjani u pensjonanti jiġu protetti u ma jibqgħux ikkunsidrati bħala ċittadini tat-tieni klassi iżda trattati b’dinjità, rispett u ġustizzja. Fil-baġit li ġej, Edward Scicluna għandu jassigura li l-ġid jitqassam b’mod ġust. Iż-żmien fejn il-foqra jsiru aktar fqar u s-sinjuri aktar għonja jrid jispiċċa minnufih, temm jgħid Carmel Mallia.