Lokali

Arrestat wara li ħebb għal 3 persuni fl-Imsida

Ritratt: Mill-Arkivji

Il-Pulizija arrestat raġel barrani wara li dan allegatament ħebb għal tliet persuni. Fi stqarrija, il-pulizija spjegaw li l-inċident seħħ fil-11.30am fi Triq il-Wied u fi Triq Ċensu Farrugia.

Mill-investigazzjonijiet li saru jidher li l-allegat aggressur l-ewwel ħebb għal mara ta’ 36 sena residenti l-Imsida waqt li kienet miexja fi Triq Ċensu Farrugia. Dak il-ħin, kien għaddej raġel ta’ 38 sena, residenti wkoll l-Imsida li malli ra lill-agressur iħebb għal din il-mara niżel mill-karozza u rnexxielu jwaqqfu milli jħebb għal mara oħra li kienet miexja, bil-konsegwenza li r-raġel safa aggredit mill-istess persuna.

L-aggressur baqa’ sejjer lejn Triq il-Wied u hemm ħebb għal raġel ta’ 67 sena, residenti San Ġiljan.

Fuq il-post marru l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. Wara tfittxija li saret, il-Pulizija sabu lill-allegat agressur, żagħżugħ ta’ 20 sena mis-Senegal u residenti l-Imsida u arrestawh. Huwa ttieħed l-Għassa tal-Imsida għall-aktar investigazzjonijiet.

Il-mara ta’ 36 sena ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, waqt li ż-żewġt irġiel ingħataw il-kura f’ċentru tas-saħħa. Huma ġew iċċertifikati li sofrew feriti ħfif.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.