Futbol Sport

Brescia u Genoa jtemmu fi draw u Cagliari jirbħu

(Ritratt: EPA)

Brescia u Genoa temmew fi draw ta’ 2-2 f’partita diretta bejn żewġ timijiet li jinsabu fil-ġlieda kontra r-relefazzjoni. Kienu Brescia li fetħu l-iskor wara biss għaxar minuti permezz ta’ ALFREDO DONNARUMMA wara li rċieva cross tajjeb mingħand Stefano Sabelli. Tliet minuti biss wara huma rdoppjaw permezz ta’ ALESSANDRO SEMPRINI wara pass preċiż ta’ Birkir Bjarnason.

Genoa ngħataw penalty fis-36 minuta wara fawl ta’ Papetti fuq Cristian Romero. IAGO FALQUE nkariga ruħu minn ħdax –il metru li ma żbaljax. Fit-tieni taqsima, Genoa komplew iżidu l-pressjoni u fid-69 minuta huma ngħataw penalty ieħor wara li Daniele Dessena deher imiss il-ballun b’idu. Din id-darba kien ANDREA PINAMONTI  li b’penalty preċiż għeleb lil Joronen.

Cagliari żammew it-tamiet tagħhom li jiksbu post fl-Ewropa s-sena d-dieħla ħajjin u tefgħu lil Torino f’aktar inkwiet meta f’darhom rebħu 4-2.  Cagliari fetħu tajjeb u wara 13 –il minuta marru fil-vantaġġ permezz ta’ xutt sabiħ ta’ NAHITAN NANDEZ wara żball ta’ Izzo. Ħames minuti wara huma żiedu l-iskor permezz ta’ GIOVANNI SIMEONE wara cross ta’ Lykogiannis bir-referee jikkonsulta mal-VAR qabel ikkonvalida l-gowl. Minuta minn ftuħ it-tieni taqsima, it-tim minn Sardegna għamilhom tlieta wara li x-xutt ta’ NIANGGOLAN kien devjat għal ġox-xibka.

Torino naqsu d-distakk mas-siegħa logħob permezz ta’ GLEISON BREMER. Ħames minuti wara l-captain ta’ Torino ANDREA BELOTTI għamilhon 3-2 biex JOAO PEDRO minn penalty reġa’ fetaħ vantaġġ doppju.

Serie A: Il-Ġimgħa: Juventus v Lecce 4-0, Ilbieraħ: Brescia v Genoa 2-2, Cagliari v Torino 4-2, Lazio v Fiorentina tard, Illum: Milan v Roma 5.15pm, Napoli v SPAL 7.30pm, Sampdoria v Bologna 7.30pm, Sassuolo v Verona 7.30pm, Udinese v Atalanta 7.30pm, Parma v Inter 9.45pm