Knisja Lokali

“Intom il-mibgħuta tal-karità tal-Knisja” – L-Arċisqof

Charles Scicluna jordna 4 djakni ġodda żgħażagħ fil-Knisja taż-Żejtun

Intom qed tiġu ordnati f’dan il-mument ta’ ħajjitkom bħala r-riġlejn tal-Knisja. Xi tfisser? Li intom il-mibgħuta tal-karità tal-Knisja.”

Saħaq dan l-Arċisqof, Charles Scicluna, waqt l-omelija tiegħu f’quddiesa solenni s-Sibt filgħodu li fiha ordna 4 djakni żgħażagħ ġodda fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina taż-Żejtun.

Dawn huma Roderick Baldacchino u Jean-Claude Schembri mill-istess Parroċċa Żejtunija, Joshua Cortis mill-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, kif ukoll il-Fra Kapuċċin, Mark Scicluna, minn Ħal Balzan.

L-Arċisqof spjega kif sa mill-ibgħad żminijiet, id-djaknu kien jassisti lill-isqof biex mill-artal tal-Ewkaristija jwassal l-Ewkaristija lil min ma setax ikun hemm, saħansitra lill-ħabsin, lill-foqra u lill-morda, bħal San Lawrenz.

Fid-dawl li dawn id-djakni għad jitressqu għas-saċerdozzju, l-Arċisqof appella fuq l-importanza li wieħed iservi u jaqdi kull fejn hemm l-iżjed bżonn, bħala xhieda ħajja ta’ Ġesù:

Id-djakonat mhux tarġa għal xi ħaġa oħra biss fil-kuntest tas-saċerdozju; hu stil ta’ ħajja. Jalla dan il-ministeru u dan l-ordni li l-Knisja qiegħda tagħtikom illum mhux biss ikun karattru fir-ruħ tagħkom imma jkun stil ta’ ħajja li jixbah ’il dak li neża’ l-mantar, tħażżem b’fardal u ħasel riġlejn id-dixxipli.”

Wara l-omelija segwiet l-ordinazzjoni djakonali nnifisha li fiha, l-4 djakni imteddu fl-art għat-talb tal-miġemgħa, li fiha talbu għall-interċessjoni ta’ Ġesù Kristu u l-qaddisin għal dan il-pass importanti f’ħajjithom, biex imbagħad saret iċ-ċeremonja tat-tqegħid tal-idejn mill-Arċisqof biex ta l-barka tiegħu fuqhom.

Din l-ordinazzjoni djakonali qed issir fi tmiem il-ġimgħa impenjattiva ferm għall-Knisja f’Malta, hekk kif mhux biss il-Katidral ta’ Malta qiegħed jiċċelebra l-Imnarja, izda se jiġu mbierka ż-żjut tas-sagramenti l-Ħadd fl-istess Katidral, ċeremonja posposta minn Ħamis ix-Xirka ħabba l-pandemija, filwaqt li t-Tnejn, se jigu ordnati 10 sacerdoti ohra fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re f’Raħal il-Ġdid.