“L-ebda attakki u allegazzjonijiet bla fatti kontrija m’huma se jwaqqfuni milli nkompli fil-ġlieda qalila li neqred il-korruzzjoni, għas-sewwa u l-verita’ u biex issir ġustizzja. Ejja flimkien naħdmu għall-aqwa interess tal-poplu tagħna meta Robert Abela ma jiddeċidiex u quddiemna għandna eżamijiet importanti għal pajjiżna fejn flimkien irridu nissalvagwardja r-reputazzjoni u x-xogħol ta’ uliedna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalist tal-Malta Today Kurt Sansone.
Għal darb’oħra Adrian Delia reġa’ ċaħad allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu minn persuni li huma implikati fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u liema allegazzjonijiet m’humiex veri iżda biss eżerċizzju mill-Gvern Laburista li jinsab dahru mal-ħajt sabiex jiddevja mill-istejjer ta’ ħmieġ li ta’ kuljum joħorġu mill-midja. Adrian Delia reġa’ qal li hu qatt ma ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech wara li sar magħruf li kien is-sid tal-kumpanija 17 Black.
Huwa saħaq li qatt ma rċieva ebda offerta jew xi pagamenti biex jimmina l-kandidatura ta’ kwalunkwe wieħed mill-kandidati fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew jew fi kwalunkwe elezzjoni oħra u qatt ma hu se jippermetti li xi ħadd fil-PN jinxtara. Adrian Delia qal li kieku xi ħadd jazzarda joffrilu l-flus, bħalma għamel f’bosta okkażjonijiet oħrajn fil-passat minnufih jieħu l-passi mal-Pulizija.
Huwa qal li dan huwa attentat sfaċċat biex, quddiem dawn l-istejjer kollha ta’ korruzjoni li fihom hemm involut il-Gvern u nies qrib ħafna ta’ Kastilja, jippruvaw iwaqqfuh milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu biex jassigura li kull min uża l-pożizzjoni tiegħu inkluż fl-ogħla kuruturi tal-poter jitressaq quddiem il-ġustizzja u jwieġeb ta’ għemilu. Meta hawn min irid li jdawwar l-aġenda biex nitkellmu fuq kollox iżda mhux li ssir il-ġustizzja, għandna nibqgħu naħdmu u naraw li nissalvagwardjaw li l-ġustizzja ssir.
Adrian Delia qal li din mhix l-ewwel darba li l-Gvern Laburista u l-midja tiegħu qed jippruvaw iwaqqfuh milli jkompli jixkef il-korruzzjoni, u joħorġu b’allegazzjonijiet kontrih li m’mhumiex veri sabiex jippruvaw iwaqqfuh milli jkompli jixkef il-korruzzjoni. Huwa saħaq li jinsab determinat li jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni u min qed ibeżża’ mhux se jirnexxilu jsikktu iżda minflok se jibqa’ għaddej b’determinazzjoni iktar kbira minn qatt qabel fil-ġlieda kontra dan il-Gvern korrott mill-qiegħ, u xejn mhu se jtellfu milli jagħmel xogħlu.
Adrian Delia qal li hu dejjem tkellem fuq il-fatti u hekk se jibqa’ jagħmel, fatti bħalma huma s-serqa li saret bi flus tal-poplu bid-deal skandaluż tal-Montenegro, d-deal korrott tat-tliet sptarijiet fejn sal-lum ħallasna €260 miljun u ma ħadna xejn lura, l-kuntratt li Konrad Mizzi ffirma minn wara dahar kulħadd li nagħtu €100 miljun lil Steward jekk dawn ifallu u l-każ tal-Kabinett li jinsab investigat meta użaw flus tal-poplu għal skopijiet personali fuq il-mezzi soċjali.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li quddiem dan kollu, Robert Abela jibqa’ ma jiddeċidiex hu u d-deċiżjonijiet jibda jeħodhom biss meta jkun daharu mal-ħajt u jiġi mġiegħel li jiddeċiedi. Robert Abela kien ilu jaf minn Novembru bid-deal skandaluż tal-Montenegro u ma ħa l-ebda azzjoni, lanqas ma ddeċieda li jkeċċi lill-eks Kummissarju tal-Pulizija u minflok daħħlu bħala konsulent, lanqas ma keċċa mal-ewwel lil Konrad Mizzi, u wara li Joseph Muscat ġie ddikjarat bħala l-iktar politiku korrott daħħlu konsulent miegħu. Robert Abela ma jiddeċidix u għal dawn in-nuqqas ta’ deċiżjonijiet qed ikollu jħallas il-poplu, bir-riskju li ma ngħaddux mill-eżami tal-Moneyval b’theddida għal eluf ta’ impjiegi taż-żgħażagħ u l-professjonisti tagħna.
Adrian Delia qal li f’dan iż-żmien fejn il-Partit Laburista qed jitlef il-fiduċja meta kuljum qed joħorġu iktar stejjer fil-midja ta’ ħmieġ, il-Partit Nazzjonalista b’umilta’ jinsab għaddej bil-ħidma biex jikkonvinċi u biex nerġgħu nirbħu l-fiduċja tal-poplu b’iżjed ħidma. Dan kollu b’viżjoni ċara meta aktar kmieni din il-ġimgħa approvajna l-istatut il-ġdid, ħloqna l-clusters b’uċuħ ġodda u iktar spazju għaż-żgħażagħ, u l-proposti konkreti fi żmien il-COVID-19, għar-riforma Kostituzzjonali u l-10 pilastri għall-irkupru ekonomiku wara dan iż-żmien tal-virus. Politika min-nies għan-nies, fejn niftħu l-bibien tagħna għal dawk kollha ta’ rieda tajba li jridu jfasslu l-politika magħna għall-aqwa ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.
//= $special ?>