Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’viżjoni u missjoni għall-Maltin kollha

Għada jitkompla l-Kunsill Ġenerali

Il-PN għandu viżjoni u missjoni għall-Maltin kollha, u dan kollu ġie kkonfermat permezz ta’ vot unanimu li adotta nhar il-Ħamis li għadda fejn ikkonferma r-riforma u t-tiġdid li qed juri biċ-ċar li l-PN qed ifittex li jxettel kultura favur il-Ġid Komuni.

Fl-aħħar jiem il-PN irċieva kwantità ta’ reazzjonijiet pożittivi għal din l-istqarrija li filwaqt li tikkonserva t-twemmin fondamentali li jispira l-partit, din ir-riforma għaddiet biex taġġornah u tiżviluppah fil-kuntest soċjali u kulturali li evolva fis-soċjetà Maltija fl-aħħar snin.  

Permezz ta’ stqarrija l-PN qal li l-missjoni tiegħu hi li jkun partit tan-nies b’vokazzjoni li jservi l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi u li jaħdem b’risq id-dinjità umana.

Fid-dikjarazzjoni ċara li ġiet ikkonfermata l-Ħamis li għadda, il-partit qed u se jibqa’ jagħti l-ogħla prijorità lil-libertà, lid-demokrazija, l-ekwità, l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali fi Stat fejn tirrenja s-Saltna tad-Dritt.

Il-Partit itenni l-impenn ċar li jaħdem bis-sħiħ ma’ kull persuna, entità u mal-volontarjat fis-soċjetà li għandhom għal qalbhom il-ġid komuni tal-poplu Malti u tal-bnedmin. 

Il-Kunsill Ġenerali ser ikompli l-Ħadd b’numru ta’ diskorsi minn numru ta’ kelliema u mistenni jagħlaq bid-diskorsi tas-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech u tal-Kap tal-Partit Adrian Delia. Is-sessjoni ser tkun trasmessa live fuq midja kollha tal-Partit inkluż Net TV.

Ara d-dettal fl-estratt hawn taħt ta’ Artikoli 1 u 2 tal-Statut ġdid tal-PN adottat unanimament il-Ħamis 25 ta’ Ġunju hawn taħt:

Statut PN 2020 – Estratt (Adottat unanimament mill-Kunsill Ġenerali PN, il-Ħamis 25 ta’ Ġunju 2020)Isem


1.
  (1)  L-isem uffiċjali tal-partit huwa Partit Nazzjonalista. Il-Partit, imwaqqaf       f’Malta u Għawdex,  huwa membru tal-Partit Popolari Ewropew (PPE).  (2) Il-Partit Nazzjonalista huwa partit tan-nies b’vokazzjoni li jservi l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi u li jaħdem b’risq id-dinjità umana.  

Viżjoni u Missjoni

2.      (1)     L-għan ewlieni tal-Partit Nazzjonalista hu l-iżvilupp tan-nazzjon b’mod l-iktar sħiħ, ġust, demokratiku u sostenibbli għat-tgawdija ta’ kulħadd bil-ħarsien u t-twettiq tal-ġid komuni. 

(2)                 Il-pern tal-missjoni tal-partit huwa l-benesseri ta’ kulħadd, f’rispett sħiħ għall-valur tal-ħajja umana, għad-dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna umana u għall-jeddijiet tagħha fi fraternità ta’ bnedmin f’umanità waħda b’diversità ta’ kulturi. 

(3)                 Il-partit jimpenja ruħu li jaħdem għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja ta’ kull persuna msejsa fuq il-libertà, id-demokrazija, l-ekwità, l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali fi Stat fejn tirrenja s-Saltna tad-Dritt. 

(4)                 Il-partit iħares lejn il-politika bħala l-ogħla sejħa u impenn għal servizz b’rieda tajba  fl-interess tal-poplu u bħala għodda fejjieda u lajka fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum li jaffaċċjaw in-nies. 

(5)         Fil-ħidma tiegħu l-partit ifittex li l-Istat ikun il-qaddej ta’ niesu. Dan għandu jsir billi d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod trasparenti dejjem fl-eqreb livell tan-nies skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà bis-sehem attiv ta’ kull ċittadin. 

(6)         Il-partit jemmen bis-sħiħ li f’dinja globalizzata s-solidarjetà hija t-tarka ewlenija biex ħadd ma jibqa’ lura fil-mixja tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali u fis-servizzi li joffri l-Istat.

 (7)       Il-partit jibqa’ jgħasses biex għall-ġejjieni l-poplu jkompli jgawdi l-aqwa ġid. Għalhekk jispikka s-sehem ewlieni tiegħu fil-modernizzazzjoni ta’ pajjiżna. Il-kisbiet tal-Indipendenza u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea huma fost il-kisbiet storici li sawruna f’nazzjon sovran, modern u Ewropew. 

(8)   Filwaqt li jħaddan soċjetà dejjem iżjed pluralistika u multi-kulturali, il-partit jemmen f’soċjetà inklussiva fejn tixxettel l-għaqda b’kultura ta’  djalogu fir-rispett tad-diversità ta’ fehmiet u twemmin, u fejn  jopponi kull forma ta’ mibegħda u vjolenza. 

(9)   Il-partit iqis id-dinja bħala d-dar komuni tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Għaldaqstant jagħraf li l-aqwa mezz biex iseddaq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd hu li bi prijorità jħares u jippromwovi l-ambjent, ir-riżorsi naturali, il-beni komuni u l-ispazji pubbliċi. Il-partit iqis l-ambjent bħala parti essenzjali mill-wirt komuni tal-bniedem. F’dan kollu l-partit jagħti prijorità lit-tibdil fil-klima u dan jagħmlu b’kejl li jqis il-ġustizzja ambjentali u l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri. 

(10)  Il-Partit iwettaq dawn il-prinċipji u jimpenja ruħu li jaħdem biex: 

a)    kulħadd jiżviluppa u  jħares saħħtu, mill-konċepiment sal-aħħar nifs, bl-enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, f’familja mibnija fuq l-imħabba, mingħajr id-dellijiet ta’ faqar, diskriminazzjoni, abbuż u esklużjoni; 

b)    kulħadd, tul ħajtu, ikollu l-opportunità għall-edukazzjoni u li jiżviluppa l-ħiliet individwali tiegħu bl-għajnuna tal-aqwa tagħlim u appoġġ personalizzat, u li jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħajja tal-familja, tax-xogħol u tas-soċjetà ċivili; 

ċ)    kulħadd jieħu sehem fl-iżvilupp ekonomiku li jkattar xogħol dinjituż imħallas b’mod ġust, u f’qafas ta’ istituzzjonijiet li jħarsu l-interessi tal-ħaddiema u l-impriżi, partikolarment dawk żgħar u medji, u li jippromwovu l-inizjattiva u l-imprenditorjalità b’investiment qawwi fil-faċilitajiet tar-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni; 

d)    kulħadd jibbenefika mit-tkattir tal-faċilitajiet kulturali u jistagħna fl-għarfien u l-imħabba tal-wirt storiku, kulturali u tal-arti biex nibqgħu niġġeddu soċjalment bil-ħiliet kreattivi u artistiċi tal-poplu tagħna; u 

e)    il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jkollhom Stat li jibqa’ jagħmel kemm jista’ biex iseħħu l-paċi u l-ġustizzja f’Malta, fl-Ewropa u fid-dinja, l-aktar fil-Mediterran fejn jiltaqgħu u jitħalltu ċiviltajiet differenti.

 (11)    Il-partit jimpenja ruħu li jimxi fuq dawn il-prinċipji fl-istess waqt li jfittex li jaħdem bis-sħiħ ma’ kull persuna, entità u mal-volontarjat fis-soċjetà li għandhom għal qalbhom il-ġid komuni tal-poplu Malti u tal-bnedmin.

Ikkummenta