Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Toni Abela f’digriet li hija tat qalet li t-tkeċċija ta’ 69 pilota minn mal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta hija waħda ġustifikata. Għaldaqstant il-linja tal-ajru nazzjonali issa tista’ tipproċedi bil-pjanijiet tagħha biex tara li dawn is-sensji jiġu fis-seħħ.
Sadanittant kienet milqugħa t-talba mill-Assoċjazzjoni tal-Piloti, l-ALPA biex 30 pilota ieħor, li l-Air Malta riedet twaqqa’ l-grad tagħhom ma jistax jintmiss u jridu jibqgħu jokkupaw l-istess pożizzjoni.
L-Imħallef Toni Abela qal li l-Qrati ma għandhomx is-setgħa li jwaqqfu s-sensji minħabba li d-deċiżjoni fuq it-tkeċċijiet kienet diġà daħlet fis-seħħ.
Iktar kmieni dan ix-xahar, iol-Union tal-bdoti kienet ippreżentat rikors biex is-sensji ma jiġux fis-seħħ, bil-mandat jintlaqa’ b’mod temporanju.
Dan kien seħħ siegħat wara li kien tħabbar li l-Air Malta kienet keċċiet lill-piloti wara li t-taħdidiet kienu fallew. Skont l-Air Malta, l-union kienet insistiet fuq €73 miljun bħala pakkett għall-irtirar kmieni.
Minn naħa tagħha l-ALPA kienet akkużat il-linja tal-ajru li qed tuża l-pandemija tal-COVID-19 bħala pretest biex tneħħi l-kundizzjonijiet attwali tal-impjieg.
Intant fi stqarrija, l-ALPA ħabbret li mistennija tieħu l-azzjonijiet legali meħtieġa sabiex il-bdoti mkeċċija jingħataw kumpens xieraq filwaqt li tindirizza n-nuqqasijiet imsemmija mill-Qorti.
//= $special ?>