Futbol Sport

Jinżel is-separju fuq il-Bundesliga

(Ritratt :EPA)

Illum, ġie fi tmiemu l-Kampjonat Ġermaniż bi programm sħiħ ta’ partiti li kollha ntlagħbu fl-istess ħin. Bil-pożizzjonijiet fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika diġa deċiżi kien baqa’ biss biex jiġu kkonfermati l-pożizzjonijiet fin-naħa t’isfel, b’Bayern Munich ġew ippreżentati b’ ‘The Meisterschale’.

Iċ-champions Bayern Munich barra minn darhom għelbu lil Wolfsburg 4-0. Bayern Munich fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ wara erba’ minuti meta l-Franċiż KINGSLEY COMAN ġie waħda mal-gowlkiper wara li rċieva pass mit-tul li minn qagħda komda ma falliex. Bayern Munich ingħataw penalty fit-72 minuta fejn mill-istess azzjoni tkeċċa Gilavogui għal Wolfsburg biex minn ħdax –il metru LEWANDOWSKI skorja l-34 gowl tiegħu dan l-istaġun. THOMAS MUELLER għamilhom 4-0 fid-79 minuta. Fis-37 minuta, it-tim ta’ Hans Flick irdoppja permezz taż-żagħżugħ MICKAËL CUISANCE li b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil Casteels.

Borussia Dortmund tilfu f’darhom kontra Hoffenheim bl-iskor ta’ kbir ta’ 4-0, bl-eroj ikun Andrej Kramaric li skorja erba’ gowls. Hoffenheim fetħu l-iskor wara tmien minuti meta minn cross ta’ Pavel Kaderabek kien ANDREJ KRAMARIC li kkonkluda mill-viċin. Man-nofsiegħa logħob, l-istess KRAMARIC irdoppja meta kkonkluda mill-viċin. KRAMARIC għaqqad il-hat-trick fl-48 minuta biex l-istess plejer żewġ minuti wara għamilhom 4-0 minn penalty.

It-tim ta’ Peter Bosz, Bayer Leverkusen għelbu lil Mainz f’darhom bl-iskor ta’ 1-0. Leverkusen fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti meta VOLLAND wara azzjoni personali tefa’ wara Mueller.  Leverkusen laħqu viċin li jirduppjaw fis-47 minuta meta minn pożizzjoni komda d-daqqa ta’ ras ta’ Weiser ħabtet mal-lasta.

RB Leipzig barra minn darhom għelbu lil Augsburg ta’ 2-1. TIMO WERNER li kien qiegħed jilgħab l-aħħar partita tiegħu ma’ Leipzig tefagħhom fil-vantaġġ fit-28 minuta wara pass tajjeb ta’ Haidara. Augsburg ġabu d-draw fit-72 minuta permezz ta’ RUBEN VARGAS. Tmien minuta mit-tmiem is-solitu TIMO WERNER reġgħa fetaħ l-vantaġġ favur Leipzig.

Borussia Mönchengladbach għelbu lil Hertha Berlin 2-1. Kien JONAS HOFMANN li fetaħ l-iskor wara biss seba’ minuta wara pass ta’ Embolo. BREEL EMBOLO rdoppja tnax –il minuta mit-tmiem B’ Hertha Berlin jiskorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fid-90 minuta permezz ta’ VEDED IBISEVIC.

Werder Bremen se jilgħabu l-play-off wara li rnexxielhom jevitaw r-relegazzjoni meta għelbu lil Cologne 6-1. Werder Bremen għalqu l-partita f’temp ta’ għaxar minuti bejn 20 u d-29 minuta. YUYA OSAKO kkonkluda mill-viċin wara li x-xutt ta’ Eggestein kien imblukkat. Fis-27 minuta wara MILOT RASHICA rdoppja biex żewġ minuti biss wara NICLAS FUELLKRUG għamilhom 3-0 wara cross tajjeb ta’ Friedl.

Fit-tieni taqsim Werder Bremen komplew iżidu fil-logħob tagħhom u fil-55 minuta DAVY KLASSEN skorja r-raba’ gowl wara li x-xutt ta’ Milot Rashica ħabat mal-lasta. Tliet miunti wara YUYA OSAKO għamilhom 5-0 qabel ma DREXLER naqqas l-iskor għal Cologne. Fit-68 minuta, Werder Bremen għamluhom sitta permezz ta’ JOSHUA SARGENT.

Fortuna Düsseldorf  sfaw relegati wara li barra minn darhom tilfu kontra Union Berlin bl-iskor ta’ 3-0. Union Berlin fetħu l-iskor wara 27 minuta permezz ta’ ANTHONY UJAH. Fit-tieni taqsima Union Berlin komplew iżidu l-pressjoni u fil-55 minuta GENTNER b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil  Kastenmeier. Union Berlin għalqu l-partita fid-90 minuta permezz ta’SULEIMAN ABDULLAH.

Freiburg f’darhom għelbu lil Schalke bl-iskor kbir ta’ 4-0. Kien GIAN-LUCA WALDSCHMIDT li fetaħ l-iskor wara 20 minuta. Fit-38 minuta SCHMID irdoppja wara cross minn free-kick ta’ Guenter. Minuta wara ftuħ it-tieni taqsima, LUCAS HOELER għamilhom 3-0 biex fis-57 minuta WALSCHMIDT għamilhom 4-0.

It-tim diġa relegat Paderborn tilfu fl-aħħar partita tal-Bundesliga kontra Eintracht Frankfurt bl-iskor ta’ 3-2. SEBASTIAN RODE tefa’ lil Frankfurt fil-vantaġġ wara disa’ minuti. Fit-33 minuta ANDRE SILVA kkonkluda mill-viċin wara pass tajjeb ta’ da Costa. Tmien minuti minn ftuħ it-tieni taqsima, BAS DOST għamilhom tlieta qabel ma DRAEGER naqqas d-distakk għal Paderborn. Paderborn daħlu fil-partita fis-76 minuta permezz ta’ SVEN MICHEL.

Bundesliga

Illum: Augsburg v RB Leipzig 1-2, B. L’kusen v Mainz 1-0, B. Dortmund v Hoffenheim 0-4, B. M’g’bach v H. Berlin 2-1, E. Frankfrut v Paderborn 3-2, Freiburg v Schalke 4-0, U. Berlin v F. Düsseldorf 3-0, W. Bremen v Cologne 6-1, Wolfsburg v B. Munich 0-4