Coronavirus Internazzjonali Saħħa

L-ogħla żieda t’infezzjonijiet irreġistrata f’ġurnata fl-Istati Uniti

Coronavirus Task Force Coordinator Deborah Birx speaks speaks in front of National Institute of Allergy and Infectious Diseases Director Anthony Fauci (Back) during a White House Coronavirus Task Force news briefing at the US Department of Health and Human Services in Washington, DC, USA, 26 June 2020. Coronavirus COVID-19 cases have surged across states in the US South. EPA-EFE/MICHAEL REYNOLDS
Id-Direttur tal-Istitut Amerikan għall-Mard Infettiv, Anthony Fauci, jgħid li “L-Istati Uniti għandha problema serja”

Skont l-Università Amerikana, John Hopkins, l-Istati Uniti rreġistra l-ogħla rata t’infezzjonijiet f’ġurnata waħda, b’aktar minn 40,000 jittestjaw pożittiv għall-COVID-19 biex issa, iċ-ċifra totali tiżboq it-2.4 miljun persuna filwaqt li dawk mejta qabżu l-125,000.

Fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet tat-task force Amerikana f’xahrejn fil-White House, id-Direttur tal-Istitut Amerikan għall-Mard Infettiv, Anthony Fauci, sahaq li l-Istat Uniti ghandha problema serja u din tista’ tingħeleb bi sforz kollettiv. Dan hekk kif 16-il stat Amerikan raw zieda qawwija f’kazijiet pozittivi ghall-COVID-19, tant li l-istati Amerikani ta’ Texas, Florida u Arizona jipposponu r-rilaxx tal-miżuri.

Fl-Indja, l-ogħla uffiċjal ta’ New Delhi, saħaq li r-rata mgħaġġla tal-imxija tal-Coronavirus fil-kapitali Indjana kienet ta’ sfida severa għas-sistema tas-saħħa, tant li kkawżat nuqqas ta’ sodod disponibbli u żieda allarmanti ta’ fatalitajiet.

Dan hekk kif il-kapitali hija l-agħar żona milquta fil-pajjiż, b’73,000 każ irreġistrat u 2,500 imwiet bil-COVID-19. Ir-rata t’infezzjonijiet f’Delhi qegħda tiżdied aktar mir-rata t’infezzjonijiet madwar il-pajjiż, biċ-ċifri ta’ dawk pożittivi għall-COVID-19 fl-Indja qabeż il-500,000 filwaqt li dawk mejta laħqu l-15,000.

Pilota Skoċċiż, Stephen Cameron irkupra mill-Coronavirus wara li dam kważi 70 jum fuq ventilatur fi sptar bil-belt Vjetnamiża ta’ Ho Chi Minn, l-itwal żmien fuq ventilatur minn kwalunkwe pazjent fir-Renju Unit. Huwa l-aħħar pazjent tal-COVID-19 li ħareġ mit-taqsima tal-kura intensiva fil-Vjetnam.

Filwaqt li fl-Etijopja, anzjan ta’ il fuq minn 100 sena rkupra mill-COVID-19, bil-familjari tal-pazjent jisħqu li dan għandu 114-il sena u minkejja li m’għandux ċertifikat tat-twelid, għalhekk huwa l-ixjeħ persuna fid-dinja. Huwa qatta’ 14-il jum fl-isptar għall-kura, b’jiem minnhom saħħtu tant iddeterorjat li kien fuq ventilatur iżda grazzi għall-mediċina dexamethasone, huwa rnexxielu jfiq.

Fi Spanja, il-viroloġisti jemmnu li sabu traċċi tal-COVID-19 fid-drenaġġ f’Barċellona lura f’Marzu 2019, 9 xhur qabel l-ewwel każ irreġistrat f’Wuhan. Fl-Awstralja, is-supermakets reġgħu daħlu l-limiti fuq il-bejgħ ta’ toilet paper għal kontra l-panic – buying wara żieda ta’ każijiet fl-istat ta’ Victoria.

Mill-kriżi ekonomika kawża tal-pandemija, Kenya Airways mistennija tirreġistra telf ta’ 500 miljun dollaru u għalhekk, minkejja li akkwistat bailout ta’ 70 miljun dollaru mill-Gvern Kenjan, mistennija tagħti s-sensja lill-bosta ħaddiema tagħha u tbiegħ numru ta’ assi. Filwaqt li l-Gvern Ġermaniż irnexxielu jikseb 20% tal-ishma fil-linja tal-ajru Lufthansa grazzi għall-pakkett t’għajnuna ta’ 9 biljun ewro li bih jirristruttura l-linja tal-ajru u jevita l-falliment.