Futbol Sport

Liverpool jikkundanaw iċ-ċelebrazzjonijiet spontanji tal-partitarji tagħhom

(Ritratt: EPA)

Liverpool flimkien mal-Pulizija ta’ Merseyside flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Liverpool fi stqarrija ddeskrivew iċ-ċelebrazzjonijiet spontanji li seħħew wara r-rebħ tal-kampjonat bħala inaċċetabbli.

Dan minħabba li l-maġġoranza tal-partitarji kisru r-regoli b’rabta mat-trażżin tal-pandemija tal-coronavirus. Is-sapporters ta’ Liverpool inġabru quddiem il-grawnd ta’ Anfield nhar il-Ħamis wara li Chelsea għelbu lil Manchester City biex ġew ikkonfermati champions tal-Premier League wara tletin sena.

Merseyside kienet waħda mill-agħar żoni li ntlaqtet mill-pandemija tal-coronavirus bil-klabb ifakkar il-partitarji tiegħu sabiex ikunu responsabbli fiċ-ċelebrazzjonijiet li għadhom iridu jsiru.

L-istqarrija temmet tgħid li l-belt ta’ Liverpool xorta għadha f’emerġenza tas-saħħa u ċ-ċans li jkun hemm it-tieni mewġa għadu jeżisti. “ Meta jkun sigur, ilkoll flimkien norganizzaw ċelebrazzjonijiet  biex niċċelebraw dan is-suċċess”, għalqet l-istqarrija ta’ Liverpool.