Futbol Sport

Man. Utd l-ewwel tim li jikkwalifika għas-semifinali

(Ritratt: EPA)

F’Carrow Road Manchester United kwalifkaw għar-rawnd li jmiss tal-FA Cup wara li wara l-ħin barrani għelbu lil Norwich 2-1. Minkejja li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika tal-Premier League, Norwich xorta waħda kellhom prestazzjoni piżittiva. It-tim ta’ Daniel Farke kien l-aktar perikoluż matul l-ewwel taqsima fejn ħolqu numru ta’ okkażjonijiet fejn setgħu marru fil-vantaġġ.

Ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima resqu viċin li jagħmlu dan meta wara xogħol tajjeb fuq ix-xellug minn Cantwell, kien Rupp li ra x-xutt tiegħu mblukkat minn Harry Maguire. Manchester United marru fil-vantaġġ fil-50 minuta meta minn cross ta’ Luke Shaw sab lil Mata li għadda lejn ODION IGHALO li b’xutt b’saħħtu għeleb lil Tim Krul.
Norwich setgħu ġabu d-draw fit-68 minuta meta x-xutt ta’ Buendia kien milqugħ minn fuq il-linja minn sieħbu stess Godfrey.

Norwich ġabu d-draw fil-75 minuta wara xutt tajjeb minn barra l-kaxxa taż-żagħżugħ TODD CANTWELL. Fit-89 minuta Norwich spiċċaw jilagħbu b’għaxar plejer wara li Timm Klose tkeċċa għal fawl fuq Odion Ighalo. Il-partita marret għall-ħin barrani u kien HARRY MAGUIRE li tliet minuti mit-tmiem tefgħa lil Manchester United fil-vantaġġ.