Lokali Qorti

Mixli li kkorrompa tfajla taħt l-età

Żagħżugħ ta’ 22 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’akkużi li għamel atti sesswali ma’ tfajla taħt l-età u li kkorrompieha. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih fejn ismu ma jistax jixxandar biex tiġi protetta l-identità tal-allegata vittma.

L-Ispettur Sarah Zerafa spjegat kif l-allegata vittma, akkumpanjata mill-ġenituri tagħha, għamlet rapport ftit ħin wara li seħħ l-allegat każ. Spjegat kif huma bdew jitkellmu fuq messenger, bl-akkużat stieden lit-tfajla biex jiltaqgħu.

It-tfajla ġiet eżaminata mit-tobba tal-Isptar Mater Dei fejn għaddejja wkoll inkjesta dwar dan il-każ. Minkejja t-talba tad-difiża li talbet għall-ħelsien mill-arrest, kemm il-Prosekuzzjoni kif ukoll l-avukat tal-parte ċivile oġġezzjonaw minħabba l-biża’ li jistgħu jiġu kontaminati l-provi u dan peress li t-tfajla, hija x-xhud ewlieni fil-każ.

Huwa ġie akkużat ukoll li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti fuq każ preċedenti pendenti dwar ġlieda bejn ġirien. Id-difiża qalet li l-akkużat, li ma jaħdimx, għandu problemi mentali, dik ta’ dipressjoni u qed jiġi segwit minn professjonisti.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u talbet li l-akkużat jiġi segwit minħabba l-kundizzjoni tiegħu. Saret ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma u l-familja tagħha.