Robert Abela jibqa’ jiddefendi lill-predeċessur tiegħu Joseph Muscat. Intervistat minn ġurnalisti indipendenti fuq l-istazzjon Laburista, il-Prim Ministru kien mistoqsi għal darba darbtejn dwar il-futur politiku ta’ Muscat u dwar jekk hux se jieħu azzjoni fid-dawl tal-aħħar żviluppi.
Iżda għal Robert Abela, b’differenza minn Konrad Mizzi u Chris Cardona, m’hemmx inkompatibbiltà li Muscat jibqa’ jirrappreżenta lill-Partit Laburista fil-Parlament.
Abela kien mistoqsi wkoll dwar l-iskandlu tal-Montenegro. Hu qal li dan id-deal ma kienx diskuss f’dik il-famuża laqgħa tal-Kabinett f’Novembru li għadda. Qal ukoll li ma jafx ta’ min hi l-kumpanija Macbridge, li ssemmiet f’numru ta’ skandli.
Il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar l-iskandlu tal-infieq ta’ fondi pubbliċi minn Ministri biex jagħmlu propaganda personali fuq Facebook. Filwaqt li laqa’ r-rapport tal-Kummissarju dwar l-Istandards, Robert Abela qal li hu kontra li nfetħet Inkjesta Maġisterjali li poġġiet lill-Kabinett kollha taħt investigazzjoni kriminali.
Mistoqsi dwar il-ftuħ tal-Ajruport minn nhar l-Erbgħa u x’miżuri se jittieħdu biex il-popolazzjoni tkun imħarsa, il-Prim Ministru ma daħalx f’dettalji dwar dawn il-miżuri ħlief li nhar l-Erbgħa se jiftaħ l-Ajruport għal 24 destinazzjoni u jiftaħ għad-destinazzjonijiet oħrajn fil-15 ta’ Lulju.
//= $special ?>