Internazzjonali

COVID-19: L-infezzjonijiet jaqbżu l-għaxar miljuni madwar id-dinja… bl-iżviluppi tal-pandemija jibqgħu jinħassu madwar l-Ewropa

Kelliema għall-Johns Hopkins University ta’ Baltimore, fl-Istati Uniti, li qed tagħmel ir-riċerka dwar l-effetti globali tal-Covid-19 ikkonfermat li, issa, hemm ‘il fuq minn 10 miljun każ ta’ dan il-coronavirus ġdid madwar id-dinja.

Sadanittant, l-ammont tal-imwiet relatati mal-virus qabeż in-nofs-miljun fuq skala globali, bil-pajjiżi qed ikomplu jirreġistraw l-imwiet mill-effetti tal-marda.

L-Istati Uniti, li hi l-aktar pajjiż b’każi ta’ infezzjoni, ikkonfermat li l-każi fl-artijiet tagħha, issa, qabżu t-2.5 miljuni, bil-vittmi fil-pajjiż ilaħħqu mal-125,000.

Intant, l-Istati Amerikani ta’ Florida u Texas reġgħu imponew il-kontrolli għall-istabbilimenti tax-xorb bil-għan li jrażżnu spinta ġdida fil-każi tal-Covid-10.

Fi żviluppi oħra, iċ-Ċina imponiet sistemi stretti ta’ lockdown viċin il-belt kapitali ta’ Beijing biex iżżomm lura inċidenza ġdida ta’ infezzjonijiet u meta din il-miżura qed taffettwa lil talanqas 500,000 persuna.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet fl-Iran – li bla dubju hu l-agħar pajjiż milqut mill-coronavirus fil-Lvant Nofsani – qed iħejju biex, fil-jiem li ġejjin, isir obbligatorju l-ilbies tal-maskri min-nies fit-toroq u f’postijiet pubbliċi oħrajn.

L-Indja hi pajjiż ieħor li tidher qed tegħreq fil-morsa tal-coronavirus u meta l-inħawi ta’ Delhi huma stabbiliti bħala l-aktar zona li ġarrbet l-effetti katastrofiċi tal-Covid-19. Dan meta l-pajjiż irreġistra mat-73,000 każ tal-coronavirus u mill-anqas 2,500 mewta relatata.

Sadanittant, l-impatt tal-pandemija għadu qed jinħass madwar l-Ewropa, fejn il-pajjiżi qegħdin inaqqsu r-restrizzjonijiet għall-movimenti tan-nies biex isalvaw, kemm jista’ ikun, l-istaġun tas-sajf għall-ekonomiji li jibbażaw l-aktar fuq it-turiżmu.

Il-gżira Griega ta’ Kos, minn għada, se tilqa’ għexieren ta’ tobba Ġermaniżi li se jqattgħu xi btajjel b’xejn f’din il-gżira. Il-Ministeru tat-Turiżmu tal-Greċja qal li dan qed isir ‘b’rikonoxximent għall-kontribuzzjoni tat-tobba fl-impenji intensivi kontra l-coronavirus’.

Fil-Ġermanja, l-uffiċjali għadhom qed jinkwetaw dwar l-isplużjoni tal-infezzjonijiet li seħħet jiem ilu ġo fabbrika tal-laħam fil-belt ta’ Gutersloh. Dan meta aktar minn 2,000 persuna qabdithom i l-Covid-19 fl-inħawi, fost rapporti li l-każi tal-infezzjoni qed jiżdiedu fost in-nies li mgħandhomx konnessjoni ma’ dik il-fabbrika.

Ir-Repubblika Ċeka reġistrat żieda sinifikanti fl-ammont ta’ persuni infettati bil-virus. Dan meta fl-aħħar 24 siegħa kienu reġistrati mal-260 każi ġodda tal-virus li hi l-ogħla ċifra għal ġimgħat f’dan il-pajjiż.

Fi Franza, numru ta’ votanti – lebsin il-maskri tal-wiċċ obbligatorji – ħadu sehem fir-rawnd finali tal-elezzjonijiet lokali li kienu ilhom posposti minn Marzu minħabba din il-pandemija. Il-konkorrenza tal-votanti, intant, qed tkun meqjusa bħala waħda baxxa meta paragunata ma’ ta’ elezzjonijiet simili oħrajn fil-pajjiż.