Lokali

“Determinati li nilqgħu kull sfida għall-ġid tal-pajjiż” – Francis Zammit Dimech

“Kburin li approvajna l-istatut il-ġdid tal-PN li nbena mill-għeruq minn isfel ‘il fuq. Kburin bil-proċess li segwejna b’diskussjoni trasparenti mill-bidu sal-aħħar. Għal darb’oħra erġna tajna l-eżempju kif għandha ssir il-politika.”, hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech waqt l-aħħar sessjoni tal-Kunsill Ġenerali Riforma u Tiġdid.  

Francis Zammit Dimech qal li l-PN issa għandu statut ġdid, partit b’140 sena ta’ storja fejn għandna nkunu kburin. L-istatut għadda minn proċess mirqum li sar minn Louis Galea, li tqabbad mill-Kap tal-PN Adrian Delia biex jagħmel din ir-riforma, flimkien ma’ attivisti, kumitati, assemblej, oħrajn li qalbhom għadha tħabbat għall-PN u nies ‘il barra mill-partit.

Huwa rringrazzja wkoll lill-predeċessur tiegħu Clyde Puli li taħtu bdiet din ir-riforma. Francis Zammit Dimech qal li l-PN ta ħafna lil Malta, mill-indipendenza, sad-dħul fl-Unjoni Ewropea u ħolqien ta’ pilastri ewlenin tal-ekonomija.

Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jagħti l-ogħla post lill-ġustizzja, l-ekwita’, s-solidarjeta’, l-ġid għal kulħadd, id-djalogu, d-drittijiet ċivili u l-ambjent fost l-oħrajn. Dan meta ħaddieħor ried li l-politika tkun strument fejn igawdi hu. Is-Segretarju Ġenerali tal-PN tkellem dwar il-bosta każijiet ta’ korruzzjoni u stqarr kif Konrad Mizzi ma jistħix u kiteb lill-Ispeaker jgħidlu li se jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu lill-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna, meta hu kien wara d-deals li minnhom insterqu l-Maltin u l-Għawdxin.

Francis Zammit Dimech qal li quddiem dan kollu jappella biex ningħaqdu flimkien b’lealta’ lejn pajjiżna li qed isejħilna. Għandna responsabbilta’ lejn il-futur ta’ pajjiżna u nagħtu l-kuraġġ liż-żgħażagħ tagħna, li huma l-preżent u l-futur tal-PN u ta’ Malta. Huwa qal li l-PN jemmen fil-verita’ u li jilqa’ l-inkjesti għax m’għandniex minn xhix nibżgħu iżda rridu li ssir il-ġustizzja fir-rigward tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u ma rridu li jkun xi jtellef dan il-proċess ghall-gustizzja. Appella lis-soċjeta’ ċivili biex inkunu tarka tal-poplu u naħdmu flimkien f’patt soċjali. 

Francis Zammit Dimech qal li l-istatut huwa l-bidu ta’ vjaġġ u l-proċess irid ikompli matul il-ġimgħat li ġejjin fil-Kumitati, l-fergħat u fil-lokalitajiet. Dan se jwassal għall-proċess tat-tfassil ta-programm elettorali, ta’ Kumitati Reġjonali u l-ħatra tar-rappreżentanti tal-Kumitat Eżekuttiv il-ġdid skont l-istatut, u f’Ottubru naslu għal Kunsill Ġenerali ieħor fejn b’dan it-tiġdid. Huwa qal li dan huwa messaġġ li determinati li nilqgħu kull sfida u kburin li nħarsu l-ġid komuni tal-poplu u nwieġbu għas-sejħa ta’ pajjiżna.

Ritratt: Martin Agius