Futbol Sport

FILMAT: Sejjer mal-Ħamrun biex nieħu pjaċir, għażilt il-klabb ħabba l-partitarji – Joseph Portelli

L-imprenditur Joseph Portelli kkonferma li ngħaqad bħala sponsor ma’ Ħamrun Spartans minħabba l-partitarji. Hu qal dan f’intervista li kellu ma’ Christian Micallef fuq il-paġna ta’ Replay fuq facebook. Portelli stqarr li l-ambizzjoni prinċipali tiegħu hi li xi darba jkollu tim li jilgħab fil-UEFA Champions League. Minħabba din il-mira, it-tim li jkun involut fih irid jirbaħ il-kampjonat minħabba li hu biss ir-rebbieħ tal-kampjonat Malti li jilgħab fil-kompetizzjoni. Hu għandu pjan ta’ tliet snin biex ix-xewqa tiegħu ssir realtà u sostna li bniedem bħalu ma jafx jidħol għal xi ħaġa kemm isalva.

L-Għawdxi mexxa lil Nadur Youngsters għar-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni f’Għawdex l-istaġun li għadda u għalkemm se jibqa’ President tal-klabb, se jkun qed jgħin lil Ħamrun Spartans bħala sponsor bl-għan li jgħinhom jikkumerċjalizzaw iż-żona tal-Victor Tedesco Stadium.

Hu ġie avviċinat minn xi nies ta’ Ħamrun biex jibdilhom dan il-proġett. Aċċetta li jissieħeb lil Ħamrun meta urewh filmati tas-sapport li kellhom fis-snin 80 u l-bidu tas-snin 90. Meta kien iżgħar, Portelli qal li kien isegwi lil Valletta iżda minħabba l-unuri li rebħu speċjalment fl-aħħar snin, ikkonkluda li ma jistax jagħmel differenza lil Valletta, kuntrarju għal Ħamrun. “Jien sejjer biex nieħu pjaċir. Ovvjament se nonfoq il-flus imma dak hu d-delizzju tiegħi.”

Portelli se jkun responsabbli biex isaħħaħ it-tim ta’ Ħamrun Spartans. Sa issa Mark Buttigieg inħatar kowċ ta’ Ħamrun u miegħu se jkollu lil Emerson Marcelina, Marcelo Barbosa u Predrag Djordjevic, plejers barranin li kellu miegħu ma’ Nadur Youngsters l-istaġun li għadda. Joseph Portelli qal li mhux se jħalli li jkun hemm problemi ta’ finanzi fit-tim u għalhekk mistennija li l-plejers ta’ Ħamrun jitħallsu kull xahar.

Il-proġett tal-Victor Tedesco Stadium

Joseph Portelli qal li l-proġett għadu fil-bidu mal-awtoritajiet u żied li hi ħasra li art ta’ dik il-kobor mhix qed tintuża bl-aħjar mod. Hu kompla li l-parkeġġ irid isir bilfors biex anki tibbenefika l-komunità tal-Ħamrun u kkonferma li mhux se jsir stabbiliment ta’ ħwienet. Fuq in-naħa l-oħra stqarr li se jkun hemm involut aktar sport fil-kumpless fosthom attenzjoni għall-klabb tal-boċċi ta’ Ħamrun kif ukoll pixxina u ħarsa lejn il-basketball.

Portelli li hu midħla sew tan-negozju, qal li hemm tliet bnadi minn fejn se jaslu l-fondi għal dan il-proġett fejn semma li jiksbu xi self jew bond biex jiffinanzjaw il-proġett. Hu għamel referenza li l-kumpless ikun mikri għal 10 snin bil-quddiem u jagħti garanzija ta’ dħul lill-klabb. Hu saħaq li f’dawn is-snin l-introjtu jkun anqas ikkumparat wara l-ewwel għaxar snin minħabba li jkun irid jitħallas is-self.

“Jien minix sejjer il-Ħamrun nagħmel il-proġett biex ndaħħal ċenteżmu. Ma jinteressanix naqla’ l-flus mill-klabb. Jien fil-klabb sejjer biex noħroġ il-flus, allavolja ħa nagħmel proġett li jiswa ħafna miljuni.” Joseph Portelli kkonferma li mhux veru li se jagħmel tajjeb għad-dejn li għandu l-klabb iżda b’ħidma mill-President attwali Nunzio Antignani, jittama li sa tliet snin li ġejjin, jinqata’ d-dejn tal-klabb.

Joseph Portelli temm l-intervista b’messaġġ lill-partitarji ta’ Ħamrun fejn qal; “Nixtieq li l-Ħamrun jerġa’ jingħaqad, il-Ħamruniżi jgħaqqdu t-tajjeb u ma jarawx kbir. Jien se nagħmel l-almu tiegħi.” Ħamrun Spartans ilhom ma jirbħu l-kampjonat mill-istaġun 1990/91 u l-FA Trophy mill-istaġun 1991/92.