Lokali

Flimkien magħkom issa nxammru l-kmiem biex naħdmu għal futur sabiħ għal pajjiżna – Adrian Delia

“Għandna l-obbligu li niġġeddu u nerġgħu nirbħu l-fiduċja tan-nies sabiex għal darb’oħra nerġgħu nkunu ta’ aspirazzjoni għaż-żgħażagħ tagħna u li l-messaġġ tagħna huwa għall-aqwa ġid ta’ Malta. Flimkien magħkom issa nxammru l-kmiem biex naħdmu għal futur sabiħ għall-pajjiżna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem l-aħħar sessjoni tal-Kunsill Ġenerali Riforma u Tiġdid.

Fi tmiem il-Kunsill Ġenerali, Adrian Delia qal li issa li l-PN huwa mġedded u bi statut ġdid irridu nidħlu fi proċess ta’ djalogu man-nies fejn ninżlu fit-toroq, fil-pjazez u mmorru fil-postijiet tax-xogħol biex nisimgħuhom u nifhmu dak li s-soċjeta’ tagħna qed tgħidilna. Għandna l-obbligu li l-PN ikun fuq quddiemnett sabiex nagħtu s-sinjal ċar li dak li biddilna jasal verament għand il-poplu kollu għall-ġid ta’ pajjiżna.

Adrian Delia qal li żgur quddiemnett f’pajjiżna matul dawn l-aħħar ġimgħat fi żmien tal-imxija tal-virus kien hemm il-frontliners kollha tagħna, u rringrazzjahom kollha u lill-familji tagħhom talli b’ħidmithom żammewna lkoll siguri. Huwa ħabbar li dalgħodu stess kiteb lill-Prim Ministru biex din il-ħidma tiġi rikonoxxuta u ssuġġerixxa li l-frontliners jingħataw tlett ijiem extra ta’ leave bi ħlas, għaliex huma l-veru eroj ta’ pajjiżna.

Adrian Delia qal li għandna virus ieħor f’pajjiżna, li huwa l-virus tal-korruzzjoni, tal-arroganza ta’ min ħaseb li jaħtaf partit biex jaħtaf il-gvern sabiex imbagħad jaħtaf kollox. Każijiet ta’ korruzzjoni li ta’ kuljum jiġu żvelati mill-midja b’dan l-aħħar id-deal skandluż tal-Montenegro, fejn Robert Abela qalilna li ddiżgustat iżda li imbagħad sar magħruf li kien ilu sitt xhur li kien jaf u ma għamel xejn. L-istess qal li ma kien jaf xejn Joseph Muscat, li ġie rikonoxxut bħala l-iktar politiku korrott, u meta dan kollu kien qed isir fl-ufffiċċju tiegħu.

Adrian Delia qal li qegħdin fi żmien fejn il-Prim Ministru huwa ostaġġ u ma jiddeċidix u għal dan in-nuqqas li jiddeċiedi se jbatu l-Maltin u l-Għawdxin u dan meta quddiemna għandna l-eżami importanti tal-Moneyval li jekk infalluh ikun ta’ detriment kbir għall-impjiegi taż-żgħażagħ u l-professjonisti tagħna. Meta Konrad Mizzi qed jgħid li se jibqa’ hemm, mhux sinjal ċar u b’saħħtu li l-affarijiet se jibdew isiru b’mod differenti minn qabel.

Il-Kap tal-PN qal li quddiem dan kollu, kollha kemm aħna għanda r-responsabbilta’ li naraw ilkoll x’nistgħu nagħmlu għal pajjiżna, qabel ma jkun tard wisq. Ejja naħdmu flimkien bħala aħwa għal pajjiżna. Adrian Delia qal li 140 sena ilu kien hemm grupp ta’ persuni li riedu jagħmlu xi ħaġa għal pajjiżhom, ingħaqdu flimkien u għamlu pass ta’ kurraġġ u determinazzjoni u ffurmaw dak li llum huwa l-Partit Nazzjonalista.

Partit li fil-Gvern ta ħafna lil pajjiżna u llum qegħdin ngħixu f’mumenti storiċi u mill-Oppożizzjoni ħadna l-inizjattiva u l-pass kuraġġjuż biex jinbidel li jsir għodda biex għal darb’oħra jbiddel lil pajjiżna. Huwa qal li l-istatut il-ġdid mhux eżerċizzju għalina iżda huwa messaġġ politiku ċar fejn irridu li naslu u nwasslu lil Malta.

Dan kollu b’viżjoni ċara meta aktar kmieni din il-ġimgħa approvajna l-istatut il-ġdid, ħloqna l-clusters b’uċuħ ġodda u iktar spazju għaż-żgħażagħ, u proposti konkreti. Adrian Delia qal li dak li sar il-Ħamis meta ġie approvat l-istatut il-ġdid huwa pass storiku għall-partit u jista’ jkun game changer jekk nibqgħu nemmnu fl-istqarrija ta’ viżjoni u missjoni, li nservu lil pajjiżna u naħdmu għall-ġid komuni, fejn inħarsu d-dinjita’ kull bniedem.

Qatt daqs illum dawn il-prinċipji qegħdin jiġu kkalpestati minn gvern li jaħdem biss għalih, biex jaħtaf iktar poter bil-qerq u bil-ħażen u għal dan kollu qed jispiċċaw ibatu n-nies, iż-żgħir u l-vulnerabbli.

Adrian Delia qal li dan huwa l-mument li pajjiżna qed isejħilna, rridu nipperswadu lin nies u nuru lill-Gvern li aħna kburin u lesti li nqumu u nidħlu għal pajjiżna, u nagħtu kollox għal Malta tagħna. Qed niftħu l-bibien tagħna biex aktar persuni ta’ rieda tajba jiġu jaħdmu magħna u flimkien ninsġu u nippjanaw il-viżjoni tal-PN għal pajjiżna.