Lokali

Partit imġedded, rijorganizzat u fuq saqajh li jħares lejn il-futur b’kuraġġ – Robert Arrigo

“Illum il-Partit Nazzjonalista jinsab fuq saqajh b’iktar ħidma u inqas spejjeż.”, hekk qal il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo waqt il-Kunsill Ġenerali Riforma u Tiġdid.

Robert Arrigo qal li l-Partit Laburista u l-midja tiegħu jinsabu għaddejjin b’kampanja intensiva sabiex jippruvaw jitfgħu d-dubji fuq il-ħidma finanzjarja fil-partit. Huwa qal li filwaqt li jippruvaw jattakkaw l-iskema taċ-ċedoli, li hija skema ta’ self privat li bdiet fl-2016 u li hija awtorizzata mill-MFSA, l-Partit Laburista wkoll kien għamel żmien iħaddem skemi ta’ ċedoli.

Intant filwaqt li għaddejja din il-kampanja negattiva iktar ingħatat spinta u ġew iffirmati aktar minn 100 kuntratt taċ-ċedoli matul dawn il-jiem. Huwa qal li din il-kampanja ta’ miżinformazzjoni min-naħa tal-Gvern Laburista qegħda ssir sabiex idawwru d-diskors tan-nies sabiex jieqfu jitkellmu fuq l-istejjer ta’ korruzzjoni u ħmieġ li kuljum joħorġu fil-midja, li saret karettistika tal-gvern preżenti. Robert Arrigo reġa’ kkonferma li Yorgen Fenech m’għandux ċedoli kif ġie allegat.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li filwaqt li għaddejjin dawn l-attakki mill-Gvern, il-ħidma ta’ riforma fil-partit baqgħet għaddejja u kkonferma kif il-pjan finanzjarju jinsab għaddej b’riżultati tajbin kemm għall-partit kif ukoll għall-midja tiegħu. Huwa qal li l-pjan finanzjarju għall-midja jinsab fit-triq it-tajba bit-telf li se jinżel għal €400,000 din is-sena u kif imbassar dan jiġi qrib fix-xejn jew saħansitra jispiċċa s-sena d-dieħla.

Dan meta f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija, l-għajnuna li waslet mill-Gvern ma kinitx daqs dak li ngħatat lil ħaddieħor. Huwa spjega kif qabel il-bidu tal-pandemija huwa kien offra r-riżenja tiegħu iżda f’dan iż-żmien b’responsabbilta’ kbira ħass li ma setgħax iħalli lill-ħaddiema waħedhom u għalhekk iddeċieda li jkompli u li jxammar il-kmiem għall-ħidma iktar minn qatt qabel b’determinazzjoni.

Robert Arrigo qal li għalhekk ukoll il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ għaddej bl-għajnuna tal-ftit mingħand il-ħafna u kburin li flimkien naslu u nibqgħu għaddejjin fit-triq tas-sewwa u nwasslu l-politika li tagħmel il-ġid.

Robert Arrigo qal li l-Partit Nazzjonalista ġġedded bi statut ġdid li se jsaħħaħ il-ħidma tal-partit iżda wkoll b’għadd kbir ta’ inizjattivi li qegħdin jiftħu l-bibien iktar beraħ għal uċuħ ġodda u għal dawk kollha ta’ rieda tajba li jridu li flimkien infasslu politika min-nies għan-nies.

Dan b’mod speċjali bir-responsabbiltajiet ġodda li ngħataw lid-deputati, l-ħolqien tal-clusters, strutturi ġodda u rijorganizzazzjoni interna fil-partit biex jissaħħaħ iktar. Huwa qal li minkejja li kien hemm min fil-Partit Laburista pprova jxandar informazzjoni żbaljata huwa jinsab kburi bir-riżultati pożittivi li l-Partit Nazzjonalista qed jikseb.