Futbol Sport

Inter idawru telfa f’rebħa b’gowls minn żewġ difensuri

(Ritratt: EPA)

Inter wieġbu għar-rebħiet tat-timjiet ta’ fuq b’rebħa lejn it-tmiem kontra Parma. Roma komplew jinqatgħu minn post fil-UEFA Champions League wara li kienu megħluba minn Milan filwaqt li Napoli rebħu u jinsabu tliet punti biss taħt Roma. Fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika Udinese u Sampdoria sofrew telfiet f’darhom li ħallew f’sitwazzjoni diffiċli kontra r-relegazzjoni.

MILAN – Milan kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 f’darhom kontra Roma biex saħħew it-tamiet li jiksbu post fl-Europa League staġun ieħor. Din kienet l-ewwel darba mill-2004 li Milan rebħu ż-żewġ logħbiet kontra Roma fi staġun wieħed. ANTE REBIC fetaħ l-iskor fis-76 minuta meta wara li Antonio Mirante salvalu x-xutt bl-għajnuna tal-wieqfa, l-istess Kroat skorja b’konklużjoni mill-viċin. Milan għalqu l-logħba fid-89 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fil-kaxxa ta’ Chris Smalling fuq Theo Hernandez. Mill-11-il metru HAKAN CALHANOGLU għeleb lil Mirante.

PARMA – Inter dawru telfa f’rebħa lejn it-tmiem biex għelbu lil Parma 2-1 f’konfront diffiċli fi Stadio Tardini. Parma fetħu l-iskor wara kwarta b’passaġġ fit-tul preċiż ta’ Juraj Kucka lejn GERVINHO li kkontrolla u wara li evita d-daħla tal-avversarju, għeleb lil Samir Handanovic b’xutt minn qagħda ideali. Inter żiedu l-pressjoni fit-tieni taqsima għalkemm ftit kienu preċiżi fil-konklużjonijiet u l-attakki tagħhom. Kien fl-84 minuta li ġabu d-draw meta minn korner mil-lemin, id-daqqa ta’ ras ta’ Lautaro Martinez spiċċat fid-direzzjoni ta’ STEFAN DE VRIJ li b’daqqa ta’ ras oħra għeleb lil Luigi Sepe. Wara li tkeċċa Kucka għal Parma, Inter skorjaw il-gowl tar-rebħa fis-87 minuta bi kross ta’ Victor Moses isib lill-iżmarkat ALESSANDRO BASTONI li skorja mill-qrib b’daqqa ta’ ras oħra.

NAPLI – Napoli saħħew is-sitt post wara li għelbu lil Spal 3-1 fi Stadio San Paolo. DRIES MERTENS fetaħ l-iskor wara erba’ minuti wara li rċieva passaġġ vertikali mingħand Fabian Ruiz. Spal ġabu d-draw fid-29 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ ANDREA PETAGNA iżda Napoli reġgħu marru minn fuq seba’ minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ JOSE CALLEJON. In-Naplitani għalqu l-logħba fit-78 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ AMIN YOUNES.

ĠENOVA – Ikomplu l-problemi għal Sampdoria hekk kif kienu megħluba fi Stadio Marassi minn Bologna bl-iskor ta’ 2-1. MUSA BARROW fetaħ l-iskor fit-72 minuta minn penalty u RICCARDO ORSOLINI rdoppja b’daqqa ta’ ras mill-viċin tliet minuti wara. FEDERICO BONAZZOLI naqqas id-distakk fit-88 minuta b’daqqa ta’ ras iżda ma kienx fadal ħin biżżejjed biex jevitaw it-telfa.

UDINE – Atalanta jkomplu bis-serje ta’ rebħ meta din id-darba għelbu lil Udinese 3-2 fid-Dacia Arena. DUVAN ZAPATA poġġa lil Atalanta fil-vantaġġ wara disa’ minuti minn qagħda ideali iżda KEVIN LASAGNA ġab id-draw fil-31 minuta minn kontrattakk. LUIS MURIEL reġa’ poġġa lit-tim ta’ Gianpiero Gasperini fil-vantaġġ bi ġmiel ta’ free-kick fil-71 minuta, bl-istess LUIS MURIEL jagħmel l-iskor 3-1 b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa. KEVIN LASAGNA naqqas id-distakk fis-87 minuta b’daqqa ta’ ras.

SASSUOLO – Fil-Mapei Stadium Sassuolo u Verona qasmu sitt gowls. DARKO LAZOVIC poġġa lil Verona fil-vantaġġ b’xutt b’saħħtu fil-51 minuta iżda JEREMIE BOGA ġab id-draw żewġ minuti wara. MARIUSZ STEPINSKI reġa’ poġġa lil Verona fil-vantaġġ fis-57 minuta u MATTEO PESSINA rdoppja l-vantaġġ tnax-il minuta wara. JEREMIE BOGA naqqas id-distakk fis-77 minuta bi ġmiel ta’ gowl għar-rokna ta’ fuq biex ROGERIO salva punt fid-90 minuta b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa.

Serie A

Il-Ġimgħa: Juventus v Lecce 4-0

Ilbieraħ: Brescia v Genoa 2-2, Cagliari v Torino 4-2, Lazio v Fiorentina 2-1

Illum: Milan v Roma 2-0, Parma v Inter 1-2, Napoli v Spal 3-1, Sampdoria v Bologna 1-2, Sassuolo v Verona 3-3, Udinese v Atalanta 2-3