Futbol Sport

Ippubblikati d-dati aġġornati tal-logħbiet tat-tim nazzjonali fil-UEFA Nations League

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-UEFA ppubblikat l-iskeda aġġornata tal-logħbiet tal-UEFA Nations League u kkonfermat li l-logħbiet se jintlagħbu bejn Settembru u Novembru. Dan wara diskussjoni li saret mill-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA aktar kmieni dan ix-xahar fid-dawl tat-tibdil sfurzat minħabba l-Covid-19.

L-uniċi bidliet ta’ Malta fil-Grupp D1 seħħew f’Ottubru hekk kif issa l-logħbiet kontra l-Andorra u l-Latvja se jseħħu fl-10 u t-13 ta’ Ottubru, ġurnata wara d-dati oriġinali.

Malta tibda l-impenji fit-3 ta’ Settembru kontra l-Gżejjer Faroe qabel impenn f’pajjiżna kontra l-Latvja tlett ijiem wara. It-tim nazzjonali jagħlaq l-impenji b’żewġ logħbiet fl-Istadium Nazzjonali kontra l-Andorra fl-14 ta’ Novembru u l-Gżejjer Faroe fis-17 ta’ Novembru.

Bi preparazzjoni għal dawn il-partiti, ftit jiem ilu l-kowċ nazzjonali Devis Mangia sejjaħ skwadra ta’ 31 plejer għal ġimagħtejn ta’ taħriġ li jibdew fil-5 ta’ Lulju, programm li se jfisser ritorn għat-taħriġ tat-tim nazzjonali.

Intant il-UEFA ħabbret li fil-perjodi ta’ logħob f’Ottubru u Novembru, se jkun hemm tliet logħbiet minflok tnejn biex ikunu jistgħu jintlagħbu l-play-offs għall-Kampjonat Ewropew. Il-partiti ta’ ħbiberija jistgħu jintlagħbu fis-7 jew 8 ta’ Ottubru kif ukoll fil-11 jew it-12 ta’ Novembru.

Il-logħbiet ta’ Malta fil-UEFA Nations League

3 ta’ Settembru: Gżejjer Faroe v Malta 8.45pm

6 ta’ Settembru: Malta v Latvja 8.45pm

10 ta’ Ottubru: Andorra v Malta 8.45pm

13 ta’ Ottubru: Latvja v Malta 8.45pm

14 ta’ Novembru: Malta v Andorra 8.45pm

17 ta’ Novembru: Malta v Gżejjer Faroe 8.45pm