Internazzjonali

Ir-Rolling Stones iwissu lil Donald Trump

Il-grupp famuż tal-mużika Rock, Rolling Stones, wissa lill-President Repubblikan tal-Istati Uniti, Donald Trump, li jista’ jiffaċċa azzjoni legali f’każ li jibqa’ juża l-kanzunetti tal-grupp waqt ir-rallies tal-kampanja politika tiegħu.

Ir-rappreżentanti legali tal-grupp qalu li qed jaħdmu mal-organizzazzjoni BMI tal-performing rights biex waqqfu l-użu mhux awtorizzat tal-mużika tas-Stones.

L-attivisti wara l-kampanja ta’ Trump, jiem ilu, użaw il-kanzunetta (tal-grupp) You Can’t Always Get What You Want waqt rally tar-Repubblikani f’Tulsa, fl-Istat ta’ Oklahoma. L-istess kanzunetta kienet spikkat waqt il-kampanja ta’ Trump fl-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza tal-Istati Uniti u meta r-Rolling Stones kienu qalu ċar ukoll li ‘mhumiex sostenituri ta’ din il-kampanja’.

Trump qed iħejji biex, f’Novembru, jikkonfronta lil Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku, għat-tmexxija tal-Istati Uniti fuq mandat ta’ erba’ snin.