Sport Sport Ieħor

Murray ma jaqbilx mal-kalendarju aġġornat tal-ATP

(Ritratt: EPA)

It-tliet darbiet rebbieħ ta’ Grand Slam Andy Murray jinsab xettiku dwar il-kalendarju aġġornat tal-ATP. Dan minħabba l-fatt hemm inklużi seba’ tournaments f’seba’ ġimgħat, b’Murray jgħid li mhux sigur għat-tennisti u kkonferma li se jkun sfurzat jaqbeż xi avvenimenti kbar minħabba l-iskeda. It-tour ATP li ġie sospiż f’Marzu li għadda minħabba l-coronavirus, hu mistenni li jerġa’ jibda fl-14 ta’ Awwissu bl-Open ta’ Washington segwit mill-Masters ta’ Cincinnati li se jsir fi Flushing Meadows qabel l-Open tal-Istati Uniti.

Settembru hu dedikat għall-kompetizzjonijiet fuq court tat-tafal bit-tournament tal-Masters f’Madrid fit-13 ta’ Settembru, il-Masters f’Ruma ġimgħa wara biex ftit jiem wara jibda l-Open ta’ Franza. “Mhuwiex sigur għall-plejers li jmorru minn semifinali jew finali fi New York imbagħad jilagħbu f’Madrid f’altitudni fuq it-tafal meta ilhom ma jikkompetu għal żmien twil. Se jkollok xenarju li fih ħafna mill-aqwa plejers mhux se jikkompetu f’ħafna mill-avvenimenti l-kbar,” qal Murray.

L-Iskoċċiż ta’ 33 sena qal li minħabba li l-avvenimenti se jkunu qed jintlagħbu wieħed wara l-ieħor, iridu jsiru bidliet fis-sistema tal-punti għall-klassifika. Hu ta suġġeriment li għalissa jħarsu fuq sistema ta’ sentejn biex dawk it-tennisti li marru tajjeb is-sena l-oħra u ma setgħux jiddefendu t-tournaments li rebħu, ma jkunux ikkastigati. Murray ta ħjiel li se jaqbeż it-tournament ta’ Cincinnati biex jipprepara għall-Open tal-Istati Uniti. Hu rritorna wara nuqqas ta’ seba’ xhur, f’avveniment tal-karità organizzat minn ħuh Jamie li ġie organizzat fl-aħħar jiem.