Internazzjonali

Polonja: L-Ewropa ssegwi mil-qrib elezzjoni li tista’ trażżan il-poteri tal-Gvern

Il-poplu tal-Polonja vvota fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-pajjiż li, ‘il quddiem, kapaċi trażżan il-poter tal-Gvern b’mod sinifikanti.

Il-President Pollakk, Andrzej Duda, hu alleat tal-Partit għal-Liġi u Ġustizzja (PiS) fil-Gvern u jekk jitlef, l-Oppożizzjoni kapaċi twassal għall-bidliet u riformi kbar fil-politika tal-Polonja. Intant, il-vot tallum mistenni jwassal għal tieni fażi deċiżiva ( tal-elezzjoni) fi żmien ġimgħatejn.

L-elezzjoni qed tkun segwita mill-qrib madwar l-Ewropa, bl-alleati ta’ Duda fil-PiS kemm-il darba jkollhom diżgwid mal-Unjoni Ewropea dwar ir-riformi kontroversjali fil-ġudikatura u l-media tal-Polonja.

Meta l-President Duda, din il-ġimgħa, ikkundanna l-promozzjoni tad-drittijiet tal-LGBT bħala ‘ideoloġija aktar distruttiva mill-komuniżmu’, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Vera Jourova qalet li ‘hu ta’ dispjaċir kbir’ meta l-politiċi Ewropej li jokkupaw karigi ewlenin ‘jiddeċiedu li jattakkaw il-minoranzi għall-ħteġiet politiċi potenzjali’.

Il-President tal-Polonja għandu d-dritt għall-veto u f’każ li l-President ġdid jasal biex jeżerċitah, il-Partit fil-Gvern ma jkollux il-maġġoranza neċessarja fil-Parlament biex jaqleb dan il-veto.

F’każ li Andrzej Duda jikseb 50 fil-mija tal-vot f’din il-fażi tal-elezzjoni, hu għandu jaċċerta mir-rebħa, iżda l-possibbiltà qed tidher minima.

Sadanittant, ir-rivali ewlieni ta’ Duda – is-Sindku ta’ Varsavja, Rafal Trzaskowski — wiegħed li jirranġa r-relazzjonijiet ta’ pajjiżu mal-UE jekk jirbaħ. F’każ li Traskowski jikseb il-livell tal-appoġġ li jirrifletti l-istħarriġ ta’ opinjoni preċedenti, hu għandu jieħu sehem f’run-off – konfront deċiżiv elettorali – ma’ Duda li għandu jiżvolġi f’taqtigħa mill-aktar missielta.

Is-Sindku ta’ Varsavja, f’qasir żmien, sar personalità politika prominenti wara li ssieħeb fit-tellieqa Presidenzjali f’Mejju.  Trzaskowski, eks membru tal-Gvern tal-Bażi Ċivika ta’ Donald Tusk, kien rebaħ l-elezzjoni tal-2018 għas-Sindku tal-kapitali bit-tema ‘Varsavja għal Kulħadd’. Huwa fl-istess ħin meqjus bħala l-aktar kandidat b’saħħtu li jista’ jagħmel l-affarijiet diffiċli għal Duda minn fost l-erba’ sfidanti għall-Presidenza.