Raġel ta’ 24 sena mill-Latvja residenti San Pawl il-Baħar sofra ġrieħi serji wara li kien involut fi ġlieda fir-residenza tiegħu matul il-lejl li għadda.
Stqarrija tal-Pulizija tgħid li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.30p.m. fi Triq il-Ħġejjeġ. Meta l-Pulizija mid-Distrett waslu fuq il-post, huma sabu ż-żagħżugħ mixħut mal-art u fil-pront issejjaħ tim mediku sabiex jagħti l-ewwel għajnuna. Minn stħarriġ tal-Pulizija jidher li l-argument kien bejn il-vittma, raġel ta’ 31 sena residenti l-Imġarr u raġel ieħor li l-identita’ tiegħu għadha mhux magħrufa.
Kien dan tal-aħħar li allegatament ta’ daqqiet lill-vittma bi strument bil-ponta, biż-żewġt irġiel jaħarbu minn fuq il-post.
Iż-żagħżugħ mill-Latvja ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn iktar tard kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea fetħet inkjesta u l-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittxija għall-aggressuri.
//= $special ?>