Atletika Sport

Rekord nazzjonali minn Luca Martini fil-hammer throw fir-ritorn tal-atletika

(Ritratt: Wally Galea)
Luke Bezzina qrib li jinżel taħt il-11-il sekonda fil-100 metru

Ilbieraħ fil-Matthew Micallef St. John Stadium fil-Marsa, saret l-ewwel kompetizzjoni tal-atletika wara l-Covid-19. Dan l-avveniment kien l-ewwel wieħed għat-tmexxija l-ġdida tal-MAAA taħt il-Presidenza ta’ Andy Grech. L-avveniment sar bil-bibien magħluqa filwaqt li ġew imħarsa l-protokolli mediċi mill-awtoritajiet tas-saħħa. Fost ir-riżultati, spikka dak ta’ Luca Martini fil-hammer throw. L-atleta ta’ Rush AC kiser ir-rekord nazzjonali b’distanza ta’ 56.95 metri. Hu kiser ir-rekord tal-atleta ta’ Allcomers Aloysians Mario Mifsud li spiċċa t-tieni fil-kompetizzjoni.

Bħal dejjem l-attenzjoni tmur fuq il-100 metru. Fil-kompetizzjoni tal-irġiel Luke Bezzina ta’ St. Patrick’s irritorna għar-rebħ b’ħin ta’ 11.03 sekonda segwit minn Ian Paul Grech ta’ Pembroke Athleta (11.37) u Warren Zammit ta’ Rush AC (11.40) rispettivament. Riżultat ieħor li spikka kien ta’ Ian Paul Grech fit-triple jump. Il-qabża spettakolari ta’ 15.01 metru hu erba’ ċentimetri biss bogħod mir-rekord nazzjonali li nħoloq mill-President tal-MAAA Andy Grech fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2013 fil-Lussemburgu.

Claire Azzopardi ta’ Pembroke Athleta rebħet il-100 metru tan-nisa f’12.38 sekonda qabel Sarah Busuttil ta’ Pembroke Athleta (12.56) u Ylenia Pace ta’ St. Patrick’s (12.78) rispettivament. Azzopardi rebħet ukoll fit-triple jump b’qabża ta’ 12.34 metru, riżultat pożittiv f’dan il-fażi tal-istaġun. Azzopardi għandha r-rekord nazzjonali f’din il-kategorija.

Claire Azzopardi (Ritratt: Wally Galea)

Iż-żagħżugħ Jeremy Zammit rebaħ il-200 metru tal-irġiel f’22.81 sekonda u Janet Richard rebħet it-tellieqa tan-nisa f’25.31 sekonda. It-tellieqa tal-400 metru fl-irġiel kienet dominata minn Christian Luke Chetcuti ta’ Pembroke Athleta f’51.72 sekonda filwaqt li Sarah Chouhal ta’ Rush AC rebħet it-tellieqa tan-nisa f’1:01.05. Antonella Chouhal ta’ Rush AC rebħet fil-hammer throw tan-nisa b’distanza ta’ 43.78 metru. Luke Farrugia tal-istess klabb, rebaħ id-discus b’50.17 metru qabel Mario Mifsud.

“Minkejja li l-atleti ma kinux qed jikkompetu f’dawn l-aħħar erba’ xhur, ir-riżultati juru li huma u l-kowċis tagħhom qatt ma waqfu jaħdmu. Dawn ir-riżultati huma xhieda ta’ kreattività u dedikazzjoni għal dan l-isport,” qal Andy Grech fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal din il-kompetizzjoni. L-avveniment ristrett li jmiss hu skedat għas-Sibt li ġej 4 ta’ Lulju.