Lokali

Siltiet mid-diskorsi tal-Kelliema fl-aħħar sessjoni tal-Kunsill Ġenerali

It-temi tal-għaqda u kuraġġ kienu fiċ-ċentru tad-diskorsi tal-kelliema li indirizzaw il-Kunsill Ġenerali tal-PN, il-Ħadd filgħodu, bit-tema Riforma u Tiġdid.

Nicole Portelli sostniet li dan it-tibdil li qed jixpruna l-Partit Nazzjonalista għandu jingħata l-ħajja. Hija saħqet li l-istatut il-ġdid ser ikun qed jagħti vuċi akbar liż-żgħażagħ attivisti u jiftaħ bieb għal ideat friski u relevanti.

Il-membru attiv fl-inizjattiva Team Start spjegat li f’kollaborazzjoni qawwija mal-MZPN irawmu u jimbuttaw aktar żgħażagħ fl-attiviżmu politiku għal ġid ta’ pajjiżna. Hija saħqet li bdejna t-triq għat-telgħa, iżda aċċertat li flimkien naslu żgur.

Attivist ieħor fl-inizjattiva Team Start, Thomas De Martino, spjega li dan l-istatut u t-tibdil tiegħu jagħti spazju akbar liż-żgħażagħ u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Huwa insista li ż-żgħażagħ iridu jkunu fiċ-ċentru tal-politika u mhux il-vittmi tagħha.

Huwa sostna li ż-żgħażagħ jinsabu nkwetati u ħosbiena fuq bosta affarijiet; fuq l-ekonomija, l-ambjent ta’ madwarhom, l-ewwel pass tagħhom fid-dinja tax-xogħol. Thomas De Martino ħeġġeġ lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu bidla fil-mentalità ta’ dan il-poplu sabiex iħallu l-bieb miftuħ għall-Partit Nazzjonalista.

Danika Sultana saħqet li dan l-iżvilupp li twettaq fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista żamm il-viżjoni tal-pajjiż, li jirrispetta l-valur tal-ħajja u l-inklussività. Hija sostniet li dan l-istatut issa fetaħ il-bibien beraħ għal min irid jimmilità fil-PN – statut li saħħaħ ukoll il-vuċi tal-Għawdxin.

Hija sostniet li bħala attivisti ‘il quddiem irridu ngħidu “b’idejna fuq sidirna” li konna fuq in-naħa tas-sewwa.

Jerome Caruana Cilia saħaq li dan il-Partit Nazzjonalista jinsab f’mument partikolari ħafna, mument li ser ikun qed jitniżżel fl-istorja tal-Partit. Huwa saħaq li l-għajta tan-nies hija ċara, “iridu nifs ġdid mill-politika”, u saħaq li l-PN irid ikun dak in-nifs.

Huwa saħaq li dan in-nifs ġdid irid ikun għall-ekonomija, l-intrapriżi, ħaddiema, ż-żgħażagħ u l-anzjani li wara li għamlu snin sħaħ jistinkaw issa qed iduru fuq uliedhom l-għaliex xorta waħda mhux ilaħqu mal-ħajja. Dan filwaqt li appella sabiex kulħadd jingħaqad bħala tim wieħed għal ħidma ta’ politika aħjar.

Carina Suda, mill-MŻPN, saħqet li l-poplu qed jistennew politika mill-ftit għal ħafna u li jieqaf il-partiġġjaniżmu sfrenat. Hija sostniet li din ir-riforma lesta sabiex tilqa’ liż-żgħażagħ.

Hija insistiet li n-nies qed jistennew politika miftuħa, b’mod speċjali fejn jidħlu l-valuri morali u għaldaqstant sostniet sabiex flimkien il-Partit Nazzjonalista jaqleb mill-kliem għall-fatti. L-attivista appellat liż-żgħażagħ sabiex il-kontribut tagħhom għall-pajjiż huwa essenzjali għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Chris Said, saħaq li wara proċess twil u ħidma sfieqa – il-PN qed jiġġedded. Huwa sostna li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti vuċi u attenzjoni partikolari lil Għawdex u l-Għawdxin.

Huwa saħaq li grazzi għall-PN, li jemmen li Għawdex jixraqilha li tkun meqjusa bħala gżira reġjun, l-Għawdxin jinsabu fuq l-aġenda tal-ogħla istituzzjonijiet.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Kevin Cutajar, sostna li issa l-Partit Nazzjonalista għandu għodda ġdida li ser ikun qed jipprattikaha f’xogħol sfieq. Huwa kompla li din ir-riforma tat vuċi wkoll lil persuni b’diżabilità u insista li l-Partit Nazzjonalista jifhem l-eżiġenzi ta’ kulħadd u li hemm bieb miftuħ beraħ.

Huwa insista li kull min jimmilita fil-Partit Nazzjonalista għandu kompitu li jkollna front komuni li jaħdem f’unità ta’ ideat u entużjażmu b’kuraġġ.

Alessia Psaila Zammit, il-minority leader fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, saħqet li l-Partit Nazzjonalista huwa vuċi soda favur id-drittijiet tal-mara. Hija saħqet li illum ftaħna l-bieb għal ġid mhux biss għall-PN iżda għall-poplu Malti u Għawdxi.

Hija insistiet li pajjiżna qed isejjaħ għal Oppożizzjoni soda u b’saħħitha – bi prinċipji li jeżaltaw id-demokrazija u li jpoġġu l-ħaddiem fiċ-ċentru politika tiegħu b’viżjoni fit-tul.

Joe Grech, il-President tal-fergħa żgħażugħa MŻPN, saħaq li dan huwa mument essenzjali għall-Partit Nazzjonalista, l-għaliex kien hemm bżonn din ir-riforma sabiex illum nkunu Oppożizzjoni soda u fil-ġejjieni nkunu Gvern li jħoss il-bżonnijiet tal-poplu.

Huwa sostna li mingħajr dubju dan l-istatut jista’ jkun effettiv biss ġaladarba l-ħidma tissokta u bil-Partit Nazzjonalista jiftaħ il-bibien mingħajr preġudizzji u jagħti ċans lil kulħadd jesprimi ruħu. Dan filwaqt li saħaq li l-PN għandu responsabbilità kbira u għandu jaħdem sabiex ikun Gvern alternattiv.

Karl Buttigieg sostna li l-prinċipji li fuqhom ġie mwaqqaf il-PN 140 sena ilu għadhom jgħoddu saż-żminijiet tal-lum, “u xejn u ħadd m’huwa ser iħammrilna wiċċna”. Huwa saħaq li l-mentalità li qed ngħixu fiha illum hija waħda tar-rebgħa.

Għaldaqstant saħaq li l-Partit Nazzjonalista huwa importanti li jiġġedded sabiex joffri alternattiva lill-poplu u vuċi qawwija favur il-valuri li dejjem xprunaw l-aqwa karatteristiċi tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan filwaqt li għalhekk insista li għandna nxammru l-kmiem minn issa sabiex nagħmlu differenza vera qalb il-poplu.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ryan Callus saħaq li hemm bżonn li l-Gvern Laburista jrid jippubblika kull kuntratt li ffirma Konrad Mizzi, l-għaliex il-poplu jrid u għandu dritt li jkun jaf.

Dan filwaqt li insista li l-Partit Nazzjonalista għandu jkollu l-kuraġġ li jibni l-pontijiet ma’ min fil-passat kellu xi diżgwid miegħu u appella sabiex il-bibien jinfetħu għal kulħadd. Huwa appella wkoll għaż-żgħażagħ sabiex ma jibżgħux mill-politika u jersqu qrib il-Partit Nazzjonalista sabiex isemmgħu leħinhom u leħen il-ġenerazzjonijiet futuri.

Richard Muscat, Kunsillier tal-Kunsill Ġenerali, saħaq li f’140 sena l-Partit Nazzjonalista għadda minn żminijiet ta’ reżistenza, rikostruzzjoni u żminijiet tan-nar fis-snin 70 u 80 – iżda b’qalbu qawwija u kuraġġ – il-PN dejjem issielet għal ġid ta’ Malta.

Huwa sostna li dan il-Partit huwa sod fil-valuri universali tiegħu u preżentament jinsab msejjaħ għal sfidi ġodda favur il-vuċi ta’ dawk l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jinsabu delużi mill-politika. Dan filwaqt li temm jgħid li l-politiku għandu jkun hemm biex iservi u mhux biex jisserva.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttigieg, saħqet li għad-differenza ta’ ħaddieħor il-Partit Nazzjonalista huwa kburi bil-passat tiegħu filwaqt li rringrazzjat lil Louis Galea għal ħidma sfieqa tiegħu fit-tiġdid u riforma tal-istatut.

Hija sostniet li l-PN għandu dmir u obbligu favur il-ġid komuni, f’rispett sħiħ għal kull persuna umana. Dan filwaqt li d-dinjità trid tkun fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Partit, l-għaliex “aħna lkoll aħwa”.

Alex Borg saħaq li l-element żagħżugħ qed jerġa’ jinħass ħaj fil-Partit Nazzjonalista u dan għandu jkun ta’ xprun kemm fi ħdan l-istrutturi tal-Partit kif ukoll fil-media. Huwa sostna li huwa ta’ importanza kbira li l-PN ikun l-alternattiva ġusta għal dawk l-eluf ta’ żgħażagħ li jinsabu delużi mill-politika Maltija.

Huwa insista li l-Partit Nazzjonalista għandu jiftaħ il-bibien għal kulħadd, iżda wkoll għandu jagħti attenzjoni lil min diġà jinsab jimmilita fih u jgħaraf il-potenzjal tal-ħidma żagħżugħa.

Il-Viċi Sindku f’Tas-Sliema Graziella Attard Previ saħqet li flimkien issa verament qed nagħmlu l-istorja tal-Partit Nazzjonalista. Flimkien qed inkunu kburin nitkellmu favur il-politika tal-Partit Nazzjonalista. Hija saħqet li dan l-eżerċizzju qed jagħti ħajja ġdida lill-Partit. Qatt ma kellna biża’ li nieħdu deċiżjonijiet għax dejjem konna nafu fejn irridu mmorru.

Hija tkelmet ukoll dwar il-ħidma li għamlet l-FOIPN favur l-ugwaljanza f’opportunitajiet u bejn in-nisa.

Minn naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar tkellem dwar ir-responsabilta’ ġdida li ngħata li jieħu ħsieb l-Isport u ż-żgħażagħ.. Iż-żgħażagħ li huma l-futur tal-Partit Nazzjonalista.

Minn naħa l-oħra, rigward l-isport huwa tkellem kif propju 23 sena ilu nibdet il-fergħa Tim Sport PN. F’dan l-istatut, l-isport qed jiġi rikonnoxut fl-għola istituzzjonijiet tal-Partit. Fl-aħħar ġranet, kien il-PN biss li dejjem tkellem favur l-isportivi u l-isport.

Graham Bencini tkellem dwar ir-riforma li qed issirm ill-Partit . B’dawn il-riformi għandna l-għodda biex flimkien nibdew . Issa huwa l-ħin biex verament nagħmlu tiġdid fil-Partit. Pajjiżna qed jaffaċja sfidi kbar u serji fuq livell internazzjonali. Sal-aħħar tas-sena hemm ċans li pajjiżna jitniżżel fil-lista l-griża tal-Ħasil tal-Flus.

Huwa appella lin-nies ta’ rieda tajba biex ikunu mal-Partit Nazzjonalista biex flimkien nibdew kapitlu ġdid li pajiżna verament għandu bżonn

Roselyn Borg, is-Segretarju Internazzjonali, tkelmet kif il-Partit Nazzjonalista wera li hemm ħafna aktar affarijiet li jgħaqqduna milli jifirduna. Il-mixja tal-Partit Nazzjonalista għandha tkun waħda li kuljum nimxu ‘l quddiem. Dawk li taw ħajjithom fil-PN għandhom jikkumplimentaw lil dawk li qed jagħtu sehemhom illum. Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li ser iwettaq tiġdid bl-akbar impenn.

Hija irringrazzjat lill-għalliema u l-ġenituri talli baqgħu jaħdmu bla waqfien mal-istudenti u ma wliedhom waqt il-pandemija tal-Covid-19. Sellmet ukoll lil dawk in-nies li sfortunatament tilfu xogħolhom u ma kellhom l-ebda għajnuna waqt il-pandemija.

Minn naħa tiegħu, il-Kunsillier Mark Anthony Sammut stqarr kif il-PN ser ikompli jaħdem biex flimkien jasal għall-missjoni tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista ma jridx jaqdi l-interessi tal-ftit iżda ta’ nazzjon sħiħ, hu min hu. Waħda mill-prioritajiet tal-PN hija l-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima.

Dan l-istatut huwa il-bidu ta’ kapitlu ġdid. Għandna opportunita’ li m’għandniex inħalluha taħrab. Fuq dan l-istatut irridu nibnu futur għall-Partit Nazzjonalista. F’dan il-Partit għandna ħafna żgħażagħ li għandhom ħafna enerġija u snin twal ta’ esperjenza fil-Partit u li issa huma lesti biex jaħdmu u jagħtu sehemhom.

Graziella Galea, tkelmet kif dan il-Kunsill Ġenerali qed juri kemm il-Partit Nazzjonalista huwa relevanti. Quddiemna għandna 2 għażliet – nikkritikaw dak li għamel ħaddieħor u li kull wieħed u waħda minnha nagħmlu l-parti tagħna

Matul il-proċess tat-tiġdid tal-proċess tat l-opportunita biex kulħadd jagħti sehmu. Kulħadd iddiskuta flimkien biex finalment inħareġ dan l-istatut, li ta opportunita’ liż-żgħażagħ u lin-nisa.

Tkellem ukoll Peter Agius li stqarr kif waqt il-pajjiżna ta’ madwarna qed jaraw kif ser joħorġu mill-pandemija tal-Covid-19, pajjiżna qed jisma kontinwament stejjer ta’ korruzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista irid ikun effiċjenti fil-kontroll tal-messaġġ tiegħu. Mhux biżżejjed li jkun hemm aħbar iżda irridu nwassluha bl-aktar mod effiċjenti. Il-PN qed isawwar il-politika bl-aktar b’mod li tinftiehem minn nies. Ix-xhur li jmiss ser jipprepara lill-PN għall-battalja li ġejja.

Id-Deputat Ivan Bartolo, stqarr li flimkien qatt m’għandna nħallu l-istatus quo jirrenja fil-Partit Nazzjonalista. Il-PN għandu dejjem jiġġeddedd ħalli mit-tajjeb imur għall-aħjar.

Huwa għamel stedina biex kulħadd jimtela b’motivazzjoni sabiex naħdmu flimkien. L-istatut li għadu kemm ġie addottat huwa pass kbir fid-direzzjoni t-tajba. Il-Partit Nazzjonalista mhux ser iċedi qatt fil-konfront tal-isfidi. L-istatut il-ġdid huwa għodda li il-PN jeħtieġ biex ikompli miexi ‘l quddiem.

Minn naħa tagħha, id-Deputat Therese Comodini Cachia tkelmet kif dan il-Partit dejjem mexxa lill-pajjiż b’rasu mgħollija u qatt ma kellu minn xhiex jistħi. Dan l-istatut il-ġdid huwa biss xi ħaġa biex il-Partit Nazzjonalista jerġa jakkwista il-kunfidenza tas-soċjeta ċivili fih. Erġajna qedgħin nifhmu il-valuri ta’ ġustizzja. Rajna x’jiġri lil pajjiżna meta jkun mifni b’politiċi li ma jafux jistħu u li jaħtfu għal ġo buthom.

Il-PN fehem li jrid ikun nadif, ġust u jimxi mal-verita’. Irridu ngħarfu li permezz ta’ ċerti valuri, jerġa’ jkollna il-fiduċja tan-nies u ma nibqgħux dgħajfa.

L-MEP David Casa tkellem kif il-Partit Nazzjonalista jrid jikkonvinċi lin-nies li huwa it-tarka tan-nies. In-nies iridu jaraw il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista. Dan il-Gvern kisser u kiser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u baxxa il-livell ta’ politika f’pajjiżna.

Pajjiżna ma jistax jibqa’ għaddej f’din id-direzzjoni. Bħalissa, il-Partit Nazzjonalista għandu jkun alternattiva b’saħħitha għall-Gvern. il-PN biss jista’ jmexxi lil Malta ‘l quddiem. Irridu nassiguraw li f’pajjiżna nassiguraw l-aqwa investimenti.

Id-Deputat Claudio Grech tkellem kif irridu nibqgħu dejjem b’rasna mgħollija u kburin li aħna parti mill-Partit Nazzjonalista. Għandna wkoll obbligu li nibqgħu ninfetħu u nibqgħu miftuħin għal kull min irid ikun parti minn dan il-vjaġġ biex naraw li nistgħu inwettqu viżjoni.

Il-politika issir bil-kwiet, bid-diskussjoni u bit-trasparenza.. u hekk qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista. Il-ħidma ma tagħtix frott mixtieq jekk ma nkunux lesti li naċċettaw ir-realta’ li l-PN għandu demm żagħżugħ.

Paula Mifsud Bonnici saħqet li bl-istatut il-ġdid ser jibqa’ jitkellem fuq l-istorja tal-Partit. Il-PN ma jistħix jgħid li huwa kontra l-abort iżda favur il-ħajja. Il-PN m’għandux għalfejn jistħi juri l-istorja tiegħu, huwa il-Partit Laburista li għandu għalfejn jistħi.

Permezz ta’ dan l-istatut qed niggarantixxu li kull persuna għandha valur u post fil-Partit Nazzjonalista. Aħna mhux biss kapaċi li nagħmlu l-ġid iżda kapaċi nieħdu ħsieb lin-nies tagħna.

L-MEP Roberta Metsola tkelmet kif hija parti minn natura tal-Partit li jsir tiġdid. Il-PN għandu jkun partit b’enerġija żagħżugħa u qalb in-nies. Fit-tiġdid għandna nibqgħu dejjem konsistenti. Irridu lin-nies jara id-diffeenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista. Il-Partit Nazzjonalista jemmen fit-trasparenza u fis-sewwa.

Hija tkelmet kif irridu ninsistu sabiex ikollna mhux biss partit iżda pajjiż aħjar. Mhux biżżejjed li ngidu li l-bieb huwa miftuħ għal kulħadd iżda għandna nidħlu u nintegraw flimkien man-nies.

Karol Aquilina tkellem kif Il-Partit Laburista jinsab tard biex ikeċċi lill-aktar politiku korrott, Joseph Mustcat. Il-Partit Nazzjonalista huwa l-Partit ta’ Malta Indipendenti, tad-Demokrazija u aħna ser inkunu il-Partit ta’ għada. Dan irridu nagħmluh għalina, għal pajjiżna u għal uliedna.