Futbol Sport

Stefano Sanderra konfermat kowċ ta’ Hibernians

(Ritratt: Martin Agius)

L-esperjenza ta’ Stefano Sanderra f’pajjiżna se tkompli hekk kif ġie kkonfermat li se jibqa’ kowċ ta’ Hibernians għall-istaġun li ġej. Sanderra li għandu 53 sena, hu kkunsidrat fost l-aqwa kowċis f’pajjiżna hekk kif fiż-żmien tiegħu rnexxielu juri l-kwalitajiet tiegħu tekniċi u tattiċi. Dan se jkun it-tielet staġun ta’ Sanderra f’pajjiżna u jfisser li hu l-aktar kowċ preżenti li ilu ma’ klabb fil-Kampjonat Premier.

Fl-ewwel staġun tiegħu mal-Pawlisti, Sanderra mexxa lit-tim viċin ħafna r-rebħ tal-kampjonat. Fl-istaġun 2018/19, Hibernians spiċċaw il-kampjonat b’punti ndaqs ma’ Valletta u tilfu d-decider bl-għoti tal-penalties filwaqt li kienu eliminati mal-aħħar tmienja tal-FA Trophy.

Fl-istaġun li għadda, Hibernians ikklassifikaw fit-tielet post b’sitt logħbiet għat-tmiem minħabba li l-kampjonat ma tkompliex kawża tal-Covid-19. Huma kienu erba’ punti taħt Floriana u punt taħt Valletta. Hibernians kienu wkoll għadhom fis-semifinali tal-FA Trophy.

B’hekk taħt it-tmexxija tal-kowċ Taljan, Hibernians sfidaw għar-rebħ tal-kampjonat u kkwalifikaw għal post fl-Europa League. Hibernians jibdew it-taħriġ għall-istaġun il-ġdid fl-1 ta’ Lulju fejn mistennija jkun hemm xi tibdil ta’ plejers barranin. Sa issa ġeddew il-kuntratti ta’ Jurgen Degabriele, Matthew Calleja Cremona u Gabriel Artiles.