Lokali

Adrian Delia jipproponi tliet ijiem leave żejda għall-frontliners

"Ebda kelma ma tista’ tkun biżżejjed biex tirringrazzjakom għas-sagrifiċċji li wettaqtu"

Ittra miftuħa tal-Kap tal-PN lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa

“Hekk kif faqqgħet il-pandemija tal-Coronavirus, sikwit ħassejna s-sensazzjoni li l-ħajja waqfet totalment. Il-ħajja mgħaġġla tagħna u t-tħassib ta’ kuljum ġew superati mill-paniku, hekk kif bdejna nħaffu biex nistorjaw kwantità ta’ ikel u mediċini waqt li konna nistennew b’ansjetà l-aġġornamenti ta’ kuljum fuq is-sitwazzjoni. F’daqqa waħda d-dinja waqfet u bdejna lkoll niffukaw fuq kif se nżommu l-kurva baxxa. Fl-għaġla ta’ dan kollu, qatt ma nsejna n-nies fiċ-ċentru ta’ dan kollu – intom, il-frontliners tagħna.

Hekk kif aħna konna nidħlu fis-sigurtà u l-kenn ta’ djarna biex ningħaqdu mal-familji u l-għeżież tagħna, intom, bl-aktar mod altruwistiku, kontu tersqu kuljum lejn il-periklu. Tiġġieldu gwerra kontra għadu inviżibbli, kontra l-aspetti kollha tan-natura umana, tagħżlu lil ħaddieħor minflok lilkom infuskom. Tagħżlu li tirriskjaw ħajjitkom biex tagħtu servizz lill-pajjiż. Għażiltu li tħallu djarkom biex ma tinfettawx lill-għeżież tagħkom. Għażiltu r-riskju li timirdu intom biex tikkuraw persuni fil-bżonn li lanqas biss tafu.

Tajtu eżempju ta’ kif ikunu l-eroj veri tal-ħajja u serraħtulna rasna bil-ħsieb li intom kontu hemm għalina. Din hi gwerra li intom ma applikajtux għaliha, imma waħda li affrontajtu u ġġilidtu mingħajr l-ebda konsiderazzjoni, u ta’ dan iċ-ċittadini tal-għażiż pajjiżna huma u se jibqgħu għal dejjem grati.

Intom għandkom il-privileġġ enormi li tieħdu ħsieb il-pazjenti u l-morda, speċjalment matul l-aktar mumenti vulnerabbli tagħhom, waqt li tipprovdulhom tama u wens, f’dawk li għalihom jafu jkunu l-agħar jiem ta’ ħajjithom. Xogħolkom qatt ma jkun ħafif u huma biss dawk li għandhom il-vokazzjoni għal xogħol bħal dan li jistgħu jifhmu għaliex tagħmluh. L-eroiżmu tagħkom f’dan il-perjodu bla preċedent żgur li se jkun ta’ ispirazzjoni biex ġenerazzjonijiet iżgħar jagħżlu karriera daqshekk nobbli minħabba l-azzjonijiet tagħkom tal-lum.

L-ebda kelma ma tista’ tkun biżżejjed biex tirringrazzjakom għas-sagrifiċċji li wettaqtu. Waqt li l-pajjiż jirrikonoxxi li intom għamiltu dan kollu b’sens ta’ dover, jiena pproponejt li l-Gvern jagħti tlett (3) ijiem extra ta’ leave bi ħlas lill-frontliners kollha. Dan nemmen li jkun ġest żgħir ta’ apprezzament li jpatti xi ftit għall-jiem li kontu bogħod mill-familjari u l-maħbubin tagħkom.

Inħoss li dan hu l-inqas li nistgħu nagħmlu bħala nazzjon biex nirringrazzjaw lilkom u lill-familji tagħkom talli kontu hemm meta l-aktar li kellna bżonnkom.

Nibqgħu rikonoxxenti għal dejjem.”