Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq akkużi li ta daqqiet ta’ sikkina

Palestinjan ta’ 44 sena ttella’ l-Qorti akkużat li ta daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta lil sid ta’ ħanut li jinsab f’San Pawl il-Baħar.

Abd Al Salam el Adaw Mahmud ilu jgħix għal 15-il sena f’pajjiżna fejn kien irraportat li diġà wettaq attakk simili fil-passat.

Il-vittma, Wagih Yousseff Awad jinsab rikoverat fl-Isptar Mater Dei għal xi ġrieħi li sofra. Fortunatament, ma jinsabx fil-periklu tal-mewt.

Il-prosekuzzjoni segwiet filmati ta’ CCTV li hemm fil-ħanut stess, liema filmat juri l-aggressjoni u l-attakk li seħħ b’sikkina.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest li saret f’isem l-akkużat hekk kif l-imputat kien instab ħati ta’ reati oħra. Hu qed jinżamm arrestat fil-Faċiltà Korrettiva ta’ Kordin.