Il-plejers veterani ta’ Juventus Gianluigi Buffon u Giorgio Chiellini se jibqgħu ma’ Juventus l-istaġun li ġej wara li ġeddew il-kuntratt b’sena. Fl-aħħar ġimgħat kien hemm spekulazzjoni dwar il-futur taż-żewġ plejers speċjalment minħabba l-età taż-żewġ plejers.
Buffon li għandu 42 sena, ilu ma’ Juventus mill-2001 b’eċċezzjoni tal-istaġun 2018/19 meta lagħab ma’ Paris Saint-Germain. F’dan l-istaġun, Buffon qed iservi bħala l-gowlkiper numru tnejn. Hu lagħab total ta’ 647 logħba fis-Serie A ma’ Parma u Juventus u jista’ jaqbeż ir-rekord li jinsab ma’ Paolo Maldini jekk jilgħab għada.
Chiellini beda l-karriera b’esperjenzi ma’ Livorno u Fiorentina qabel ingħaqad ma’ Juventus fl-2005. Id-difensur Taljan ta’ 35 sena sar anki captain tat-tim wara t-tluq ta’ Buffon u u hu plejer fondamentali fid-difiża Juventina.
Xhieda tal-lealtà lejn il-klabb ta’ Juventus, iż-żewġ plejers baqgħu mal-klabb meta kienu relegati fis-Serie B u xprunaw is-suċċess ta’ Juventus fl-aħħar disa’ snin. F’dawn is-snin, Juventus rebħu s-Serie A tmien darbiet konsekuttivi, erba’ darbiet il-Coppa Italia u erba’ darbiet is-Supercoppa Italiana minbarra li waslu darbtejn sal-finali tal-UEFA Champions League.
//= $special ?>