Coronavirus Lokali

COVID-19: L-ebda każ għat-tielet jum konsekuttiv

Għat-tielet jum konseguttiv ma nstab l-ebda każ ta’ COVID-19 f’pajjiżna. Dan filwaqt li n-numru ta’ każijiet attivi niżlu għal 22 każ hekk kif fiequ tliet persuni.

Skont l-aħħar aġġornament mill-Ministeru tas-Saħħa fuq il-paġna ta’ Facebook, huma tlieta dawk li fiequ minn 516-il test li sar fl-aħħar 24 siegħa. B’hekk, issa t-total ta’ swabs li saru f’pajjiżna huwa dak ta’ 94,564.

Minn dawk il-persuni qed għadhom jittestjaw pożittivi għall-COVID-19, 15-il persuna m’għandhomx bżonn kura minn sptarijiet. Madanakollu, seba’ persuni oħra qed jiġu rikoverati fl-istparijiet. Persuna tinsab fl-Isptar Mater Dei, oħra Karin Grech, tliet persuni ġewwa Boffa u tnejn oħra fl-Isptar St. Thomas.

Fost id-dubji tan-nies ta’ jekk is-sitwazzjoni tistax tibqa’ kkontrollata, għal dawn l-aħħar ġimgħat il-poplu Malti qed jingħata ftit li xejn ta’ informazzjoni fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook wara li twaqqfu għal kollox il-konferenzi stampa.

Dan filwaqt li din il-ġimgħa, propju mill-1 ta’ Lulju, pajjiżna se jibda jilqa’ barranin biċ-ċans li l-każijiet f’pajjiżna jiżdiedu drastikament.