Kultura Lokali

Daqqa’ ta’ ħarta għas-settur tal-arti

Nuqqas ta’ investiment fl-arti f’dan il-mument kruċjali ta’ rkupru jista’ jagħti daqqa ta’ ħarta sinifikanti lil din l-industrija li tagħmel ħafna iktar milli tattira udjenza li tħallas. Kif inhuma l-affarijiet, l-awtoritajiet kulturali ta’ Malta jistgħu wkoll isofru telf irreparabbli ta’ għerf u ħiliet.

Huwa dan it-tħassib qawwi li ħareġ mill-Editorjal tal-ġurnal The Times of Malta. L-Editorjal saħaq li jekk l-arti titħalla tinħakem minn interessi ekonomiċi, it-tentattivi biex jiġi stimulat is-settur ifallu.

Fl-aħħar mill-aħħar, Malta teħtieġ komunità kulturali li għandha s-setgħa li titkellem u tieħu deċiżjonijiet fi żmien ta’ sfida. Fost oħrajn l-Editorjal tat-Times semma’ l-irkupru mill-impatt psikoloġiku u soċjali li ġab miegħu l-COVID-19, il-korruzzjoni li tinsab f’Malta, u kwistjonijiet marbuta ma razziżmu… li b’mod urġenti jeħtieġu rispons kreattiv.

L-Editorjal kompla li l-artisti tagħna huma essenzjali aktar minn qatt qabel. Madankollu semma kif mingħajr il-ħelsien minn indħil politiku jew kompetizzjoni ssanzjonata mill-istat, dan is-settur se jibqa’ jmur lura.

L-inċertezza li ġabet magħha l-imxija tal-COVID-19 għadha qed taffettwa ħafna setturi b’mod speċjali dak kulturali.

L-Editorjal jgħid li r-risposta tal-Gvern għal din l-inċertezza hija inkwetanti għaliex għażel li jsaħħaħ l-entitajiet kulturali tiegħu stess. Din il-mossa saret għad-detriment tal-appoġġ tant meħtieġ għall-komunità ta’ artisti u kontributuri li ma jiffurmawx parti mill-entitajiet tal-Gvern.

Din is-sitwazzjoni ħarġet iktar fil-beraħ meta l-Kunsill tal-Arti wiegħed investiment ta’ €1 miljun fis-sena lil gruppi li b’xi mod diġà jiffurmaw parti mill-entitajiet tal-Gvern. Il-promozzjoni tas-Cinema City li direttament tikkompeti mal-entita privata Valletta Film Festival ħolqot nuqqas ta’ funzjoni sistemika fis-settur kulturali.

The Film Grain Foundation li tieħu ħsieb il-festival imsemmi kkritikat d-deċiżjoni tal-gvern li jospita l-avveniment tiegħu fl-istess xahar, filwaqt li qata’ wkoll il-fondi għall-festival indipendenti bi 30%. Kienu bosta dawk fil-qasam kulturali li ssieħbu fl-appell tal-Film Grain biex issir rivalutazzjoni tad-deċiżjoni li tieħdet. Huma sostnew li l-avvenimenti tal-gvern qed jisirqu lill-artisti minn opportunitajiet essenzjali, u jipperikolaw grupp diġà prekarju ta’ individwi.