Iċ-ċifra finali li nġabret fl-ewwel jum ta’ maratona b’risq il-PN hija dik ta’ €253,890.
Mat-tħabbira ta’ din iċ-ċifra l-Kap tal-PN Adrian Delia esprima s-sodisfazzjoni tiegħu, filwaqt li rringrazzja lil kulħadd li qed jgħin biex il-vuċi tal-PN tissaħħaħ.
X’kienu uħud mill-messaġġi tul il-maratona?
“Ilkoll illum għandna responsabbiltà, li nfehmu messaġġ wieħed li flimkien nieħdu lura ‘l pajjiżna”.
Dan kien wieħed mill-messaġġi tal-Kap tal-PN tul l-ewwel jum il-Maratona li ttellat f’Jum l-Imnarja bit-tema Determinazzjoni.
Fost l-oħrajn il-Kap tal-PN tkellem dwar il-proċess innifsu tat-tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, li permezz tiegħu pparteċipaw numru ta’ nies… u taw kontribut kbir f’dan it-tiġdid.
“Jien ċert li mill-feedback li kellna u l-entużjażmu, li jridu jkunu parti minn vjaġġ itwal, vjaġġ li nkunu parti minn biddla akbar.”
Adrian Delia ta ħarsa lejn dak li qed jiġri f’pajjiżna, l-impatt li l-iskandli tal-Gvern qed iħallu fuq l-ekonomija Maltija u kif ukoll wara kollox fuq is-soċjetà.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna wkoll li Robert Abela preżentament jinsab ostaġġ, u qiegħed ikun reattiv.
“Huwa ċar li Abela mhux jieħu deċizzjoni minn rajh, qed ikun imġiegħel, għadu ma ħax deċizzjonjiet dwar numru ta’ skandli, fosthom dak tal-Vitals, li qed jiswa lill-Maltin il-miljuni, miljuni li nsterqu minn flus il-poplu”
Adrian Delia qal li irid ikollna Gvern li qed jifhem, li jaf id-direzzjoni, u li jaf joħloq futur sod u xieraq lil Malta tagħna, u din il-ħidma li qed issir fil-Partit Nazzjonalista qed tħejji biex il-Partit ikun Gvern alternattiv denju għall-gżejjer Maltin u Għawdxin.
Il-Maratona se tissokta għada hekk kif dis-sena il-gazzetta in-Nazzjon, qed tiċċelebra l-anniversarju tad-deheb.
//= $special ?>