Coronavirus Lokali

Eżempju ħaj ta’ meta tpoġġi lil pajjiżek l-ewwel

Stqarrija tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN)

Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista tappoġġja kull inizjattiva sabiex dawk li kienu fuq quddiem sabiex jissalvagwardjaw is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi fix-xhur li għaddew jingħataw rikonoxximent għas-sagriffiċji li għamlu lil hinn minn dak li jitlob minnhom xogħolhom.

SĦPN tfakkar li dawk kollha fil-qasam mediku kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet ta’ qtiegħ-il qalb u ansjetà liema bħalha kull darba li ltaqgħu ma’ każijiet ta’ pazjenti li rriżultaw fil-pożittiv.

Kien hemm min minnhom li għal numru ta’ ġimgħat kellu jinqata’ minn ma’ familtu, u jikri appartament minn butu sabiex kemm jista’ jkun ma jkunx ta’ riskju għal dawk ta’ madwaru. Oħrajn kellhom jaħdmu siagħat twal avolja seta’ kellhom impenji familjari oħra. Mijiet oħra kellhom joqogħdu kwarantina il-bogħod minn kulħadd. Oħrajn baqgħu għal numru ta’ ġranet mingħajr ma telqu minn fuq il-post tax-xogħol.

SĦPN tirrikonoxxi l-pressjoni psikoloġika li kellhom fuqhom dawn il-ħaddiema, professjonisti u m’humiex li xogħolhom huwa viċin il-pazjenti. L-istigma li ħafna minnhom batew talli jaħdmu f’xi sptar jew klinika u għalhekk kien ikun hawn min jistmerr il-preżenza tagħhom.

Anke l-fatt li għal sigħat twal dawn il-ħaddiema kellhom jilbsu hwejjeġ u maskli protettivi bl-iskumdità kollha li dawn iġibu magħhom.

SĦPN tirringrazzja mill-qalb lil dawk kollha li taw servizz. Lil dawk kollha li bil-fatti u mhux bil-paroli wrew li pajjiżhom u għalhekk saħħet il-Maltin u l-Għawdxin jiġu l-ewwel. Lil dawk kollha li urew kif tagħti servizz u mhux tisserva inti bil-pożizzjoni tiegħek. Dawn huma eżempju ħaj ta’ kif verament taħseb f’ħaddieħor. Huma eżempju ta’ kif tkun ta’ servizz għall-oħrajn.

Għalhekk GRAZZI mill-qalb. U iva nappoġġjaw l-inizjattiva li ppropona l-Kap tal-PN Adrian Delia sabiex intom tingħataw tlett ijiem extra leave bi ħlas bħala rikonoxximent żgħir għal dak kollu li għamiltu u għadkom qed tagħmlu.