Lokali

“Flimkien nistgħu nsolvu din is-sitwazzjoni” – Adrian Delia

“Hawn pajjiżi li ma jridux jagħmlu negozju ma pajjiżna. Ħarsu x’qed jiġri madwarna għax flimkien nistgħu insolvu din is-sitwazzjoni. Nistgħu nitilfu dak li ħdimna għalih tul iż-żmien b’detriment għal pajjiżna u għall-futur ta’ uliedna.”

Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’intervent qasir li għamel waqt il-maratona ġbir ta’ fondi li qed tfakkar l-Imnarja tal-1982.

Adrian Delia kien qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna li qed ikollha effetti simili fuq iċ-ċittadini Maltin l-istess kif kellhom il-ġrajjiet tal-1982.

Il-Kap tal-PN faħħar lin-nies li ġġieldu għas-sewwa għaliex permezz tagħhom kompliet tifforma r-ruħ u l-qalb tal-PN li dejjem baqa’ jkun hemm għan-nies li permezz t’hekk sar parti fundamentali mill-istorja politika tal-pajjiż.

Adrian Delia stqarr li jispera li dawn l-avvenimenti ma nerġgħux ngħixuhom pero fakkar li pajjiżna spiċċa f’idejn partit li nħataf mill-kriminalità qabel ħataf Gvern bi ħsieb premeditat li intuża għal skopijiet ta’ flus u koruzzjoni biex igawdu l-ftit.

Hu saħaq li l-prezz ta’ dan ma jħallsux il-Gvern iżda jħallsuh il-familji li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja u qed ikomplu jsoffru.

Finalment, Adrian Delia saħaq li l-Maltin dejjem jibqgħu jinsistu u kapaċi jieqaf għal dan l-aġir tal-Gvern biex isem pajjiżna ma jibqax jiġi mkisser. B’hekk inkunu dejjem kburin b’pajjiżna u nkunu nistgħu nattiraw l-aqwa investiment li minnhom igawdu l-familji Maltin u jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Messaġġi oħra fl-istess maratona twasslu mill-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Censu Galea kif ukoll mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv Alex Perici Calascione.