Knisja Lokali

Għaxar djakni ordnati saċerdoti; fosthom armel ta’ 67 sena

Għaxar djakni ġew ordnati saċerdoti ġodda mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Knisja ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid.

Ta’ 23 sena… Osmar Baldacchino huwa l-iżgħar saċerdot li ġie ordnat f’din iċ-ċerimonja. Osmar daħal is-seminarju fl-età ta’ 17-il sena.

Minn naħa l-oħra, Tony Pace huwa l-ikbar wiehed. Hu ghandu 67 sena.

Pace kien miżżewweġ, u miż-żwieġ tiegħu kellu tlett itfal. Wara li tilef lil martu bil-kanċer, hu ddeċieda li jibda vjaġġ ġdid ġewwa s-seminarju – li wasslu ghas-sacerdozju.

Tony Pace… minn persuna miżżewġa… issa se jibda ħajja ġdida, mdawwar mhux biss b’uliedu iżda wkoll mill-familja spiritwali tieghu.

U s-sejħa għas-saċerdozju wasslet ukoll għand wieħed minn uliedu, li qed jimxi fuq il-passi ta’ missieru. B’hekk, fi ftit żmien ieħor se jkunu qed iqaddsu flimkien fuq l-altar bħala saċerdoti.

In-numru ta’ saċerdoti ġodda hu meqjus bħala wieħed pjuttost sabiħ. U huwa pozittiv li hafna zghazagh qed iwiegbu ghal din is-sejha.

L-Arċisqof Scicluna indirizza lis-saċerdoti l-ġodda waqt l-omelija fejn qal li l-idejn mhumiex hemm biex wieħed igara l-ġebel iżda biex wieħed iwassal l-għożża tal-Mulej.

“Kunu ħaġa waħda mal-poplu li jitolbu l-għajnuna. Tridu xxamru u tmiddu idejkhom. Minkejja l-etajiet varji, b’uħud jinsabu f’Malta u oħrajn fil-Kenja, tnejn li huma missirijiet; huma min huma kollha qed tingħataw karattru minn Alla.”

L-ghaxar sacerdoti ġodda huma Osmar Baldacchino mill-Parroċċa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi, David Borg mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar, Chris Bugeja mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, Andrew Camilleri, mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żurrieq, Jonathan Debattista mill-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien, Michael Debono, Ġiżwita, Tony Pace mill-Parroċċa ta’ Ħal Safi, kif ukoll Damian John Formosa, Jake Mamo, u Paul Spiteri, li huma Salesjani ta’ Don Bosco.