Burnley komplew jitilgħu fil-klassifika wara rebħa ta’ 1-0 f’Selhurst Park kontra Crystal Palace. Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għat-tim ta’ Sean Dyche filwaqt li Palace sofrew it-tieni telfa konsekuttiva wara li kienu megħluba 4-0 minn Liverpool. Qabel din il-logħba, Crystal Palace kienu rebħu l-aħħar erba’ logħbiet fil-Premier League kontra Burnley.
Burnley skorjaw l-uniku gowl tal-logħba fit-62 minuta meta minn free-kick ta’ Ashley Westwood, id-difensur Ben Mee tar minn tulu biex b’daqqa ta’ ras għeleb lil Vicente Guaita, bil-gowlkiper imiss il-ballun qabel ħabat mal-wieqfa u daħal fix-xibka.
Wara dan il-gowl, it-tim ta’ Roy Hodgson żied l-isforzi biex jevita t-telfa iżda ftit kienu diretti u perikolużi lejn il-lasta ta’ Nick Pope. B’din ir-rebħa, Burnley laħqu lil Tottenham b’45 punt għalkemm b’logħba aktar filwaqt li Crystal Palace baqgħu fil-11-il post bi 42 punt.
//= $special ?>