Lokali

Id-Dar tal-Providenza tniedi kampanja bl-isem “Sabiħ li tagħti”

Id-Dar tal-Providenza għandha bżonn l-għajnuna, u l-imxija tal-Coronavirus qed tħalli impatt kbir finanzjarju fuq din id-dar. Għalhekk id-Dar tal-Providenza qed tniedi kampanja bl-isem ta’ “Sabiħ li tagħti” biex tiġbor fondi bl-għan li tkun tista’ tibqa’ tagħti s-servizzi professjonali lir-residenti tagħha.

F’konferenza tal-aħbarjiet li saret f’Jum l-Imnarja tħabbar li l-maratona tal-voleyball li ssoltu ssir fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Lulju mhux se ssir bħala prekawzjoni għar-residenti.

L-ispiża tas-servizzi u professjonisti offruti mid-Dar tal-Providenza hija waħda ġmielha, is-servizzi żdiedu hekk kif fl-aħħar xhur sar investiment teknoloġiku fil-binja, fosthom xiri ta’ smartphones, apparat li jgħin fit-teleworking, proċess ġdid tal-mod kif inżammet l-indafa u l-iġenè, xiri ta’ maskri u ħafna xogħol ieħor li sar biex iħares u jissalvagwardja r-residenti ta’ din id-dar.

Net News seta’ jara l-ħidma kontinwa li ssir f’din id-dar… dar deskritta bħala miraklu ħaj ta’ kuljum li qatt ma naqset milli twettaq tant u tant ġid fil-komunità Maltija.

Kif ħafna jafu Dun Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar dejjem ħadem qatigħ għar-residenti f’din id-dar, iżda dis-sena Dun Micallef sfortunatament jinsab indispost minħabba raġunijiet ta’ saħħa minħabba li jingħata l-kura għall-kanċer li jitfejjaq. Għalhekk dis-sena aktar minn qatt qabel jeħtieġ li tingħata l-għajnuna lid-Dar tal-Providenza, rigal għal Fr Martin biex sas-sena d-dieħla jkun jista’ jkompli fil-missjoni tiegħu.

F’kummenti li tat lil dan l-istazzjon, is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika aċċenat biex il-poplu Malti jgħin lid-Dar tal-Providenza, għax din id-dar tagħti bil-bosta lill-Malta b’servizz kontinwu lejn ir-residenti tagħha.

Fuq kollox tul l-istess konferenza tal-aħbarjiet ingħata radd il-ħajr lill-voluntiera u lill-benefatturi kollha li f’dan l-aħħar żmien akkost il-limitazzjonjiet xorta għamlu dak li setgħu biex jagħtu xi ħaġa minn qalbhom lid-Dar tal-Providenza.

Wieħed jista’ jgħin billi jidħol fuq is-sit www.sabihlitaghti.org u minn hemmhekk ikun jista’ jgħin u jagħti donazzjoni b’modi varji.