Lokali Qorti

Kawżi fuq allegati abbużi minn Pulizija tat-Traffic skedati fil-Qorti għal għada

Il-kawżi ta’ wħud minn 32 membru tal-Korp tal-Pulizija b’rabta mal-allegati abbużi minn Pulizija tat-Traffic huma skedati fil-Qorti tal-Maġistrat għal għada t-Tlieta.

L-investigazzjoni dwar allegat abbuż ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’sahra minn Pulizija tat-Traffiku fejn kien qed ikun allegat ukoll li kien hemm ġbir ta’ “flus ta’ protezzjoni” mingħand kumpaniji tal-kostruzzjoni u miżapropjazzjoni ta’ fuel wasslet il-każ jispiċċa fil-Qorti.

Huma erba’ l-Maġistrati li ġew assenjati lilhom dawn il-kawżi fejn se jkunu qegħdin jisimgħu tmien akkużati kull wieħed. L-ewwel lott se tkun qiegħda tismagħhom il-Maġistrat Audrey Demicoli. Supretendent u żewġ Spetturi mistennija jibdew għaddejjin proċeduri quddiemha flimkien ma’ membri oħra tal-Korp tal-Pulizija.

Proċeduri kontra aktar Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku se jinstemgħu quddiem l-Maġistrat Rachel Montebello, fejn din se tkun qed tibda tismagħhom nhar it-Tnejn 6 ta’ Lulju. L-għada, t-Tlieta, 7 ta’ Lulju se jkun qed jibda jisma’ lott ta’ tmienja oħra, l-Maġistrat Ian Farrugia.

Sadanittant minkejja li għad ma hemmx data fissa tal-kawżi li ġew assenjati biex jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Marsaenne Farrugia, minn informazzjoni li għandna, dawn mistennija li jibdew jinstemgħu f’Marzu li ġej.

Il-piż għalhekk se jkun qed jinqasam ugwali bejn erba’ Maġistrati. F’kawżi ta’ persuni li jitressqu b’ċitazzjoni, t-terminu tagħhom mhuwiex bħal dawk li jitressqu b’arrest u għaldaqstant dawn jistgħu jieħdu perjodu ferm aktar twil, biex il-proċeduri jibdew. Huwa jew hija biss il-Maġistrat li jiddeċiedi jew tiddeċiedi meta l-kawżi jiġu assenjati.

Numru ta’ Pulizija, se jkunu qegħdin jiġu akkużati bi akkużi relatati ma’ frodi, kompliċità ta’ frodi, li għamlu dikjarazzjonijiet foloz u kompliċità tal-istess dikjarazzjonijiet iżda mhux qegħdin ikunu akkużati b’ħasil ta’ flus kif kien maħsub oriġinarjament u kien għalhekk li dawn ma tressqux il-Qorti b’arrest.

Dawk li se jiffaċċaw il-ġustizzja jinkludu lis-Supretendent Walter Spiteri, Kap tat-Taqsima tat-Traffiku li kien reġa’ ddaħħal fil-Korp fl-1 ta’ Jannar tal-2017 u li fi Frar li għadda rriżenja b’rabta ma’ dan il-każ.

Huwa kien imexxi s-Sezzjoni tat-Traffiku u r-riżenja tiegħu kienet ġiet aċċettata. Għandhom jgħaddu proċeduri wkoll l-Ispetturi Pierguido Saliba u Nikolai Sant li flimkien mas-Supretendent Walter Spiteri mistennija jiffaċċaw akkuża ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti, dik li approvaw sahra li qatt ma saret.

Il-membri tal-Korp tal-Pulizija l-oħra li qegħdin jiġu akkużati huma fir-ranks ta’ Surġenti u Kuntistabbli u li minnhom waħda minnhom hija Kuntistabbli femminili.

F’perjodu minnhom kien hemm 41 uffiċjal arrestat, u ħafna minnhom kienu ngħataw il-police bail. Bin-numru jinżel għal 32. Kien hemm ukoll seba’ riżenji li kollha kienu ġew aċċettati.

L-allegat abbuż mis-sahra kien spiċċa wkoll fuq il-media internazzjonali, fosthom fuq Reuters u The New York Times fejn issemma wkoll l-allegat użu ta’ fjuwil għall-vetturi privati tal-uffiċjali tal-Korp.

Minbarra stejjer ta’ eluf ta’ ewro fi ħlasijiet minn taħt, fi Frar kienu inkixfu wkoll stejjer ta’ theddid fuq uffiċjali oħra tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi bejn Pulizija f’forma ta’ tpattija, serq ta’ fuel, xibka ta’ hbiberiji, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar.

Huma l-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Ekonomiċi u mill-Uffiċċju tal-Affarijiet Interni li mexxew l-investigazzjonijiet tagħhom b’rabta mal-allegat abbuż mis-sahra mill-uffiċjali tal-Pulizija fis-sezzjoni tat-traffiku.

Mill-investigazzjoni rriżulta li l-allegati abbużi saru l-aktar fl-2019, iżda hemm oħrajn li jmorru wkoll aktar lura, saħansitra sa erba’ snin. Allegatament il-Pulizija kienu jirrappurtaw li jkunu ‘extra duty’ iżda minn stħarriġ li sar fis-sistema tad-datatrak tal-muturi, instab ma kienux jirrappurtaw għax-xogħol.