Internazzjonali

Il-Polonja: Lejn tieni rawnd tal-elezzjoni għall-Presidenza

Il-President Pollakk, Andrzej Duda, hu l-aktar kandidat li kiseb voti fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-pajjiż, iżda naqas milli jaċċerta minn maġġoranza assoluta. Dan ifisser li Duda jrid jikkonfronta lill-eqreb kandidat – Rafal Trzaskowski, li hu s-Sindku ta’ Varsavja – f’tieni rawnd deċiżiv tal-elezzjoni li se jsir fi żmien ġimgħatejn.

Fl-ewwel fażi, Duda, li hu alleat tal-Partit għal-Liġi u Ġustizzja (PiS) fil-Gvern, kiseb mal-44 fil-mija tal-vot, bi Trzaskowski, li hu politiku liberali, jirbaħ ftit aktar minn 30 fil-mija.

Il-konkorrenza ta’ votanti, minkejja sinjali inizjali għall-kuntrarju, kienet waħda għolja minkejja l-effetti tal-coronavirus u r-restrizzjonijet tas-social distancing.

Intant, dan hu żmien inċert għall-Polonja minn lat politiku għaliex jekk il-President Duda jitlef it-tieni rawnd tal-elezzjoni, l-Oppożizzjoni tispiċċa f’pożizzjoni fejn tista’ tixpruna r-riformi kbar politiċi li għandhom ikunu sinifikanti fuq livell nazzjonali.

Il-President Pollakk għandu l-poter għall-veto fil-konfront ta’ kwalunkwe leġislazzjoni u, b’hekk, il-preżenza kontinwa ta’ Duda f’din il-kariga għandha tkun ta’benefiċċju għall-PiS f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Min-naħa tiegħu, Rafal Trzaskowski, qed jimpenja ruħu biex – f’każ li jsir President tal-Polonja – jirranġa d-diżgwid attwali bejn pajjiżu u l-Unjoni Ewropea. Dan meta fl-aħħar xhur spikkaw id-differenzi kbar bejn l-alleati politiċi tal-President Duda u l-UE dwar riformi kontroversjali fl-oqsma tal-media u l-ġudikatura fil-Polonja.