Sport Sport Ieħor

It-tieni intervent mediku għal Alex Zanardi f’għaxart ijiem

(Ritratt: EPA)

L-atleta paralimpiku Alex Zanardi għadda minn operazzjoni f’moħħu għat-tieni darba wara li madwar ġimgħa u nofs ilu sofra minn inċident ikrah. Stqarrija tal-isptar Santa Maria alle Scotte fi Siena qalet li l-operazzoni damet madwar sagħtejn u nofs u li Zanardi jinsab intubat fil-kura intensiva.

Id-direttur tal-isptar Roberto Gusinu qal li l-kundizzjoni tiegħu għadha stabbli mill-aspett kardjaku u serja mill-aspett mentali. Hu qal li t-tobba kienu taw parir minn qabel biex issir din l-operazzjoni. Zanardi li għandu 53 sena, iservi ta’ ispirazzjoni fid-dinja tal-motorsport u l-isport b’mod ġenerali hekk kif baqa’ pożittiv wara li rritorna bi tbissima minn inċident li seta’ tilef ħajtu.

F’inċident waqt tellieqa f’Lausitzring fil-Ġermanja f’Settembru tal-2001, qalb Zanardi waqfet seba’ darbiet, tilef litru demm f’ġismu u spiċċa biex tilef iż-żewġ saqajn mill-irkoppa l-isfel. Zanardi rritorna għall-isport paralimpiku u rebaħ total ta’ erba’ midalji tad-deheb, tnejn fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012 u tnejn fl-Olimpjadi ta’ Rio fl-2016.