Lokali

Maratona ġbir ta’ fondi llum fuq Net Television

L-Imnarja 1982 – Reżistenza għal governanza ġusta

L-Imnarja tas-sena 1982 tibqa’ mfakkra fl-istorja politika tal-pajjiż bħala avveniment li fih eluf ta’ ħaddiema u sidien ta’ negozji żgħar u medji pprotestaw b’azzjoni ta’ diżubbidjenza ċivili u reżistenza passiva għal governanza ġusta u kontra gvern oppressiv li kien seraq l-elezzjoni ġenerali tal-1981.

Biex ifakkar din l-okkażjoni l-Partit Nazzjonalista llum fl-4pm fid-Dar Ċentrali se jorganizza maratona ġbir ta’ fondi li se tixxandar dirett fuq Net Television.

Matul din il-maratona se jipparteċipaw uħud mill-protagonisti ta’ dakinhar; il-ħaddiema li kienu sospiżi propju għax obdew id-direttiva tal-PN u ma marrux għax-xogħol. Fl-istudios ta’ Net Television, dawn l-attivisti se jitkellmu fuq l-esperjenza li għaddew minnha 38 sena ilu wara li kellhom il-kuraġġ iqumu favur id-dritt li tiggverna l-maġġoranza.

Matul il-maratona se jintwerew siltiet mid-dikors ta’ Eddie Fenech Adami fil-mass meeting Fuq il-Fosos tal-Floriana ftit ġimgħat qabel l-Imnarja 1982; liema meeting baqa’ magħruf għall-eluf ta’ xemgħat  li l-Maltin u l-Għawdxin li pparteċipaw f’dak il-meeting storiku kellhom f’idejhom bħala sinjal ta’ tama.

Kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami li ftit ġimgħat qabel l-Imnarja 1982 kien indirizza mass meeting tal-PN Fuq il-Fosos tal-Floriana fejn kien qal li ħadd mhu se jżomm lill-poplu Malti milli jieħu l-Imnarja vaganza wara li l-Gvern Laburista kien neħħieha minn festa pubblika flimkien ma’ festi pubbliċi oħrajn.

Fil-programm elettorali tal-1981, li kien approvat mill-maġġoranza tal-poplu, il-PN kien wiegħed li jagħti lura l-festi pubbliċi li l-Gvern Laburista kien neħħa.

Hekk kif kienet tħabbret id-direttiva mill-PN, il-Gvern Laburista kien beda jhedded lill-ħaddiema Maltin li jekk jipparteċipaw f’din l-azzjoni kienu se jittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom. Fil-fatt kien hemm mijiet ta’ ħaddiema li sfaw sospiżi mix-xogħol għaliex obdew id-direttivi tal-PN waqt li s-sidien tal-ħwienet li għalqu kellhom il-liċenzja tagħhom sospiża u ma setgħux jibqgħu jaħdmu.

Minbarra dan, f’diversi korporazzjonijiet tal-Gvern, il-ħaddiema li obdew id-direttiva tal-PN kienu attakkati u msawta tant li fit-Tarzna kien hemm ħaddiema li lanqas setgħu jidħlu iktar għax-xogħol.

Minkejja din l-intimidazzjoni u ksur tad-drittijiet fundametali tal-bniedem, il-ħaddiema Maltin li obdew id-direttiva komplew juru l-kuraġġ tagħhom billi baqgħu determinati li jkomplu bil-ġlieda tagħhom kontra l-impożizzjoni tal-Gvern Laburista, ġlieda li baqgħet għaddejja sal-elezzjoni ġenerali ta’ Mejju 1987, meta r-rieda tal-maġġoranza reġgħet kienet espressa u rispettata.