Futbol Sport

Mario Gomez jiskorja fl-aħħar logħba fil-karriera tiegħu

(Ritratt: EPA)

L-eks attakkant tal-Ġermanja Mario Gomez irtira mill-futbol wara li skorja fl-aħħar logħba tiegħu ma’ Stuttgart. Gomes li f’Lulju jagħlaq 35 sena qal li kien qata’ xewqtu, jiġifieri li jgħin lil Stuttgart biex jiksbu l-promozzjoni immedjata fil-Bundesliga wara staġun biss. Stuttgart temmew il-kampjonat fit-tieni post wara Arminia Bielfeld u kienu megħluba 3-1 fl-aħħar logħba minn Darmstadt, b’Gomez isib ix-xibka fit-42 minuta u sa dak il-ħin kien ġab id-draw.

Gomez rebaħ il-Bundesliga fl-ewwel esperjenza tiegħu ma’ Stuttgart fl-2007 qabel rebaħ darbtejn oħra l-kampjonat ma’ Bayern Munich wara li ngħaqad magħhom fl-2009. L-attakkant kien ukoll parti mit-tim ta’ Bayern Munich li għamel it-tripletta fl-2013, b’Gomez jiskorja 26 gowl f’44 logħba fil-UEFA Champions League.

Sfortunatament għalih, hu tilef it-Tazza tad-Dinja tal-2014 li l-Ġermanja rebħet minħabba li kien imweġġa’. Mat-tim nazzjonali hu skorja 31 gowl fi 78 logħba. Gomez kompla b’żewġ staġuni ma’ Fiorentina qabel lagħab ukoll ma’ Besiktas u Wolfsburg. Fl-2017 irritorna ma’ Stuttgart u baqa’ mal-klabb minkejja li kien relegat, b’Mario Gomez jistqarr li ried jagħti xi ħaġa lura u jtemm il-karriera mal-klabb li tah l-opportunità.