Formula 1 Sport

Mercedes jibdlu l-kulur tal-karozza f’sinjal b’saħħtu kontra r-razziżmu

(Ritratt: Formula 1)

Mercedes għamlu dikjarazzjoni b’saħħitha kontra r-razziżmu hekk kif bidlu l-karozzi tagħhom suwed għal dan l-istaġun. Huma dejjem kellhom il-karozzi lewn il-fidda tant li l-laqam tagħhom hu Silver Arrows iżda ħadu din id-deċiżjoni biex itejbu d-diversità fit-tim tagħhom.

Is-sitt darbiet rebbieħ tal-kampjonat Lewis Hamilton hu l-uniku sewwieq ta’ ġilda sewda fil-Formula 1 u kien fost l-aktar voċiferi fil-moviment Black Lives Matter tant li anki attenda għal protesta paċifika f’Londra ġimagħtejn ilu.

Hamilton kien saħaq mat-tim tiegħu li hu importanti li jkunu magħqudin. Il-Britanniku rringrazzja lil Toto Wolff u t-tmexxija tat-tim talli ħadu l-ħin biex tkellmu miegħu u fehmu l-esperjenzi tiegħu. Hu ddeskriva din id-deċiżjoni bħala stqarrija importanti li lesti jibdlu u jitjiebu bħala negozju. Hamilton u sieħbu fit-tim Valtteri Bottas se jkunu qed jilbsu wkoll l-iswed għal dan il-kampjonat li jibda l-Ħadd li ġej.

Il-kulur normali ta’ karozza Mercedes (Ritratt: Mercedes)