Internazzjonali

Pakistan: Attakk qattiel minn militanti fuq il-Borża ta’ Karachi

Qawwiet tas-sigurtà fil-belt ta’ Karachi rnexxielhom jeliminaw grupp ta’ irġiel armati li wettqu attakk fuq il-bini tal-Borża f’din il-belt. Fl-attakk, l-aggressuri — indikati bħala membri ta’ moviment ewlieni ta’ militanti — qatlu talanqas żewġ gwardjani u uffiċjal tal-pulizija, minbarra li ħallew numru ta’ midruba, sakemm inqatlu huma wkoll waqt battalja mal-qawwiet tas-sigurtà fuq il-post.

Il-militanti bdew l-attakk bi tfigħ ta’ grenades lejn l-entratura prinċipali tal-Borża fost l-isparar fuq il-membri tas-sigurtà fiz-zona. Iżda minkejja l-element ta’ sorpriża favur tagħhom, l-aggressuri ma rnexxilhomx jidħlu ġewwa l-kumpless – fejn il-ħaddiema ssakkru fil-kmamar u b’oħrajn jitmexxew lejn zoni aktar sikuri waqt proċess ta’ evakwazzjoni.

Intant, l-awtoritajiet Pakistani għaddejjin b’investigazzjoni intensiva fl-inħawi tal-attakk. Dan waqt li l-militanti mal-grupp Armata għal-Liberazzjoni ta’ Baloch, ħadu responsabbiltà għad-dmija f’Karachi.

Il-gruppi ta’ etniċi armati mill-provinċja tal-Balochistan ilhom jiġġieldu gwerra għal art separata mill-kumplament tal-Pakistan u biex l-istess etniċi jgawdu aktar mir-riżorsi tal-provinċja.

L-Armata għal-Liberazzjoni ta’ Baloch hi waħda biss minn fost talanqas għaxar gruppi għal reżistenza armata fil-Balochistan. Intant, din ma kenitx l-ewwel darba li l-ġellieda tal-Armata kienu involuti f’azzjonijiet qattiela –u meta kellhom diġà każi simili fl-inħawi ta’ Karachi u l-belt ta’ Gwadar. 

Filwaqt li din l-Armata, oriġinarjament, ipprovat tikseb awtonomija politika għall-provinċja, din, maż-żmien, evolviet f’moviment separatista u vjolenti u li l-Gvern Pakistani dikjaraha bħala organizzazzjoni terroristika.

Il-Pakistan ilu s-snin isofri vjolenza mill-gruppi tal-militanti, li fil-parti kbira huma entitajiet ta’ radikali Iżlamiċi. Madankollu, attakki fuq l-iskala tal-bieraħ fl-aħħar snin saru aktar rari f’dan il-pajjiż.

Ir-rapporti dwar l-aħħar attakk qalu li l-gwardjani fil-viċinanzi tal-Borża ma tilfux żmien biex jikkonfrontaw lill-aggressuri li kienu armati sa snienhom – b’ diversi pulizija jispiċċaw fost il-midruba fil-battalja.

Il-qawwiet tas-sigurtà, wara, elevaw numru sostanzjali ta’ armamenti, grenades u kwantità ta’ splussivi mill-katavri tal-militanti li rnexxielhom jaslu biss saz-zona tal-parkeġġ tal-Borża qabel inqatlu.

Intant, il-qawwiet tas-sigurtà damu s-sigħat ifittxu fil-bini tal-Borża u l-madwar għall-possibbiltà li l-grupp tal-militanti seta’ kien akbar milli ħasbu, oriġinarjament. Dan waqt li l-awtoritjiet riedu jaċċertaw li ma żgiċċawx aktar irġiel armati mill-inħawi.

L-attività fil-Borża ta’ Karachi setgħet tkompli mingħajr interruzzjoni. Din il-Borża għandha l-uffiċini għal mijiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji meta tinsab f’zona ta’ sigurtà intensiva li tinkorpora anki l-uffiċini ewlenin tal-banek u ta’ negozji oħrajn.