Lokali

St John Rescue Corps qed tfittex li tiġbor fondi u se tibda bi sfida bil-Kayak madwar Malta nhar is-Sibt

St John Rescue Corps se tissokta toffri l-firxa ta’ servizzi li introduċiet biex tikkumbatti l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 f’Malta, hekk kif il-pajjiż qed jadatta ruħu għan-‘normalità l-ġdida’.

Filwaqt li tradizzjonalment St John Rescue Corps hi assoċjata mat-tifi tan-nar u servizz ta’ salvataġġ fil-baħar bi sħab mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fl-aħħar xhur il-voluntiera ta’ din l-għaqda kellhom idawru r-rotta u jgħinu sabiex tiġi indirizzata l-pandemija.

Matul il-kriżi tal-COVID-19, St John Rescue Corps appoġġjat lill-komunità lokali bis-servizzi tagħha, u fl-istess waqt għenet lill-awtoritajiet nazzjonali fil-battalja biex titrażżan u tiġi kkontrollata l-firxa tal-virus.

Bis-saħħa ta’ sapport finanzjarju minn sorsi korporattivi u proġetti finanzjati mill-Gvern, il-Korp seta’ jkompli jattrezza ruħu biex jirrispondi għall-virus. Permezz tal-Iskema tal-Proġetti tal-Organizzazzjonijiet Volontarji tal-2020 (VOPS), il-Korp seta’ jakkwista Small Fires Unit (SFU), filwaqt li Skema għal Inizjattivi Żgħar (SIS) u fondi mill-Aġenzija Żgħażagħ koprew l-ispiża ta’ tagħmir tat-taħriġ. Il-Korp irċieva sapport ukoll mingħand Melita, GO u PAL, waqt li UNEC Co Ltd ipprovdiet vannijiet tal-kiri biex jintużaw għall-espansjoni tal-operat tal-Korp.

“Id-donazzjoni tal-vannijiet tal-kiri ppermettiet li nestendu s-servizzi tagħna ta’ tqassim tal-pakketti ta’ għajnuna alimentari lill-familji vulnerabbli f’kollaborazzjoni mal-Foodbank Lifeline Foundation,” qal dan Andrew Grech, Kummissarju u Kmandant tal-Korp.

“Dan kien proġett ta’ suċċess enormi, li għadu għaddej, u issa t-tqassim b’kollox qed jaqbeż il-200 konsenja kull ġimgħa. Għal xi familji l-effetti tal-COVID-19 se jibqgħu jkarkru, u għaldaqstant se nkomplu noffru dan is-servizz biex inwieżnu lil dawk li huma fil-bżonn.”

B’total ta’ 57 voluntier li b’mod attiv qed jagħtu sehemhom fl-isforzi ta’ St John Rescue Corps matul il-pandemija tal-COVID-19, bejn Marzu u Mejju 2020 il-Korp ikkontribwixxa 341 siegħa ta’ taħriġ għall-voluntiera, 826 siegħa f’servizz għall-komunità, 36 siegħa f’assistenza ta’ tifi tan-nar, 53.5 siegħa fuq xogħol fl-istazzjon tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u 459 siegħa fuq xogħol ieħor.

“Issa qed inħarsu ’l quddiem u nfittxu li nirritornaw għal normalità ġdida. Qed nerġgħu nibdew it-taħriġ tal-voluntiera tagħna u qed inħejju biex mill-ġdid nibdew il-korsijiet ta’ taħriġ għall-pubbliku,” spjega s-Sur Grech. “Barra minn hekk, għal darb’oħra qed naċċettaw prenotazzjonijiet għall-korsijiet tagħna ta’ Gwardjani tan-Nar, li se jkunu qed isiru bi proċeduri ta’ iġjene riveduti sabiex nieħdu ħsieb l-isforzi ta’ mitigazzjoni tal-COVID-19. Ukoll, bi pjaċir ngħidu li dan is-sajf il-pubbliku se jerġa’ jarana fl-irwol tagħna tas-soltu, dak li nipprovdu servizzi ta’ prevenzjoni ta’ nirien, salvataġġ u l-ewwel għajnuna waqt avvenimenti.”

Minkejja l-għajnuna finanzjarja ġeneruża li l-Korp diġà rċieva minn individwi privati u kumpaniji, jibqa’ l-fatt li l-pandemija ġabet magħha impatt finanzjarju gravi. Id-dħul finanzjarju tal-Korp naqas bi 52 fil-mija minn Marzu 2020, minħabba li twaqqfu l-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi. Sadanittant, l-ispejjeż żdiedu b’madwar 48 fil-mija hekk kif il-voluntiera ġew provduti bit-tagħmir protettiv meħtieġ biex ikunu jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom.

“Minħabba l-emerġenza tal-COVID-19 waqgħu lura wkoll l-isforzi tagħna biex nakkwistaw dgħajsa tas-salvataġġ ġdida. Issa se nerġgħu nagħtu l-ħajja lil dan il-proġett permezz ta’ avveniment ta’ ġbir ta’ fondi organizzat għall-4 ta’ Lulju, #Kayak4StJohnRescue,” kompla s-Sur Grech. “Grupp ta’ kayakers bl-esperjenza (fosthom waħda mill-membri tagħna stess, Cami Appelgren) is-Sibt li ġej se jkunu qed iduru bil-kayak madwar Malta, Għawdex u Filfla. Il-Korp se jipprovdi s-sapport loġistiku, kif ukoll servizz ta’ salvataġġ u l-ewwel għajnuna matul l-isfida kollha ta’ 24 siegħa.

“Sfortunatament, l-emerġenza tal-COVID-19 qaxqxet l-introjtu tagħna fl-istess waqt li qed inżidu s-servizzi lill-pubbliku. St John Rescue Corp issa għandha bżonn terġa’ taqbad minn fejn ħalliet qabel ma bdiet il-kriżi,” ikkonkluda s-Sur Grech.

Il-viżitaturi huma mistiedna jagħtu donazzjoni biex jappoġġjaw ix-xogħol importanti tal-Korp, permezz tal-PayPal jew karta tal-kreditu fuq www.sjrcmalta.org/donate/. Jekk tixtieq tagħti donazzjoni speċifikament għall-isfida tal-Kayak, jekk jogħġbok inkludi #Kayak4StJohnRescue bħala messaġġ. Aktar informazzjoni tinstab ukoll mill-paġna ta’ Facebook tal-Korp fuq www.facebook.com/sjrcmalta/.