Internazzjonali

Stati Uniti: Texas jara “firxa allarmanti” ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19

Il-firxa tal-infezzjonijiet bil-coronavirus qabdet direzzjoni ‘mill-aktar perikoluża’ f’ Texas, skond il-Gvernatur ta’ dan l-Istat Amerikan, Greg Abbott.

Is-sitwazzjoni f’Texas saret allarmanti fi spazju ta’ ġimgħatejn, bl-ammont ta’ każi, għal kull ġurnata, jitilgħu minn medja ta’ xi 2,000 għal aktar ta’ 5,000. Dan meta diversi Stati lejn in-naħa t’isfel u l-punent tal-Istati Uniti kollha reġistraw żieda fl-infezzjonijiet bil-Covid-19 wara li naqsu r-restrizzjonijiet għall-movimenti tan-nies.

L-infezzjonijiet irrappurtati tal-Covid-19 fl-Istati Uniti issa qabżu ż-2.5 miljuni. Illum hemm ‘il fuq minn 125,000 imwiet relatati mal-coronavirus madwar il-pajjiż, bl-Istati Uniti tirreġistra aktar każi ta’ infezzjoni bil-Covid-19 minn kwalunkwe pajjiż ieħor.

L-aħħar qabża fil-każi wasslet biex uffiċjali f’Texas, Florida u Stati Amerikani oħra, jissikkaw ir-restrizzjonijiet għall-ħwienet u entitajiet oħra kummerċjali, fost twissijiet li l-isptarijiet dalwaqt ‘jistgħu ma jlaħħqux man-numri ta’ pazjenti’. Greg Abbott, fil-fatt, qal li, bħalissa, sa 5,000 kuljum qegħdin jinstabu infettati mill-virus madwar l-Istat ta’ Texas.

Sadanittant, il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Mike Pence, qal li l-Istat ta’ Texas se jingħata ammonti addizzjonali ta’ testing kits għall-Covid-19, għaż-żmien kollu li jitqies bħala neċessarju waqt il-kriżi.